Nicolette Ghirxi nqatlet b’diversi daqqiet ta’ sikkina f’għonqha, skont dettalji li ħarġu fil-beraħ wara li t-Tlieta filgħodu tlestiet l-awtopsja fuq il-katavru tagħha.
Il-mara ta’ 48 sena nstabet bla ħajja wiċċha ’l fuq fl-appartament tagħha fis-Swatar, fil-limiti ta’ Birkirkara, fis-satra tal-lejl bejn il-Ħadd u t-Tnejn. Hi nqatlet ftit sigħat qabel allegatament mill-eks sieħeb tagħha, l-Irlandiż Edward William Johnston, li, f’konfront mal-Pulizija f’Paceville, ammetta r-reat u ta d-dettalji tal-post fejn seħħ.
Ir-raġel spiċċa jinqatel wara li ma riedx iċedi u jitlaq minn idu dik li dehret arma tan-nar, waqt li hedded u pprova jaggredixxi lill-uffiċjali li ċċirkodawh.
Mill-awtopsja tal-Irlandiż ta’ ħamsin sena nnifsu, ġie konkluż li hu ntlaqat minn tliet tiri f’sidru, li kienu fatali.
Ġie rrapportat li, minn filmati li ttieħdu mill-bodycams tal-Pulizija fuq il-post f’San Ġiljan, l-aħħar kliem ta’ Johnston qabel ta l-assalt għal fuq wieħed mill-uffiċjali, li kienu kostretti jiftħu n-nar fuqu, kien “Intom lesti, għax jien lest?!”.
F’dak il-ħin, l-arma li kien qed jipponta lejn rasu stess, immiraha lejn il-Pulizija. Wara rriżulta li l-oġġett f’idu kien replika proprja ta’ arma tan-nar. Waqt li ngħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku fuq il-post, Johnston miet fl-Isptar Mater Dei fejn ittieħed b’ambulanza.
Filwaqt li għadu mhux magħruf kif ir-raġel kiseb aċċess għall-appartament ta’ Ghirxi fi Triq Maestro Giuseppe Busuttil jew kemm dam ġewwa qabel seħħ id-delitt, jirriżulta li hu telaq minn Birkirkara lejn il-Lukanda Hilton f’San Ġiljan fejn hedded lil impjegat billi qallu “Ġibli birra jew nisparalek”.
Skont it-Times, sorsi qrib l-investigazzjoni qalu li hu daħal fil-lukanda għall-ħabta tal-ħdax u nofs ta’ filgħaxija u talab lill-impjegat wara l-bar biex jagħmillu jixrob. L-impjegat qal lil Johnston li l-bar kien magħluq, iżda li kienu se jiċċekkjaw ma’ kollegi oħrajn jekk dan hux possibbli.
Meta l-barman reġa’ lura, Johnston ħareġ il-pistola finta u heddu biha. Kien f’dan il-mument li ssejħet il-Pulizija.
Minn rapporti wkoll internazzjonali wara li seħħ dan il-każ, jidher li dan ma kienx l-ewwel konfront ta’ Johnston mal-pulizija. Il-familja tal-vittma qalet ukoll lit-Times li kien ftaħar magħha li kien involut f’theddida ta’ bomba fi Glasgow fl-2012.