Il-Kummissarju Ewropew għax-Xogħol u l-Ġustizzja Soċjali Nicolas Schmit intgħażel mill-Partit Soċjalista Ewropew bħala l-kandidat tagħhom għall-President tal-Kummissjoni Ewropea.
Dan waqt il-Kungress tal-Partit Soċjalista Ewropew li sar is-Sibt f’Ruma, ftit inqas minn mitt jum mill-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
Huwa se jkun fost l-ismijiet li se jkunu quddiem il-mexxejja Ewropej meta fis-sajf li ġej se jagħżlu lill-President tal-Kummissjoni Ewropea.
Il-Kummissarju Ewropew Schmit kien żar pajjiżna f’Ġunju li għadda, fejn kellu laqgħat mal-Ministru għall-Politika Soċjali Michael Falzon u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul. Hawnhekk il-Kummissarju Schmit kien faħħar id-djalogu soċjali f’pajjiżna.
Preżenti għal dan il-Kungress tas-Soċjalisti f’Ruma f’isem il-Partit Laburista kien hemm id-Deputat Prim Ministru u d-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Chris Fearne.