Tħabbret il-mewt tal-eks Sindku tal-Imqabba Nicky Briffa fl-għomor ta’ 76 sena.
Briffa kkontesta l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali mal-Partit Laburista l-ewwel darba fl-elfejn u disgħa, fejn ġie elett mal-ewwel għadd.
Hu kien miżżewweġ lil Gina u kien missier ta’ tnejn – Aldo u Aaron.
Għal diversi snin, Briffa ukoll għamel xogħol kbir fl-istazzjonijiet ONE, fejn kien Kontrollur Finanzjarju għal diversi snin u ħadem b’lealtà sħiħa lejn dak li kien jemmen fih.
Huwa kellhu passjoni kbira lejn il-maġija,
Kienu bosta li sellmu l-memorja ta’ Briffa, deskritt bħala raġel umli, li dejjem ħadem qatigħ għall-ġid tal-komunità u kien maħbub minn kulħadd.
F’messaġġ fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela sellem il-memorja ta’ Nicky Briffa fejn qal li hu ta sehem kbir lejn il-Partit Laburista u l-istazzjonijiet ONE.
Waqt li bagħat il-kondoljanzi tiegħu, il-Prim Ministru Abela qal li nies bħala Nicky jibqgħu ta’ eżempju, bis-sens ta’ altruwiżmu u umiltà tagħhom.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista sellem ukoll il-memorja ta’ Briffa, persuna li ħadem qatigħ għall-Partit Laburista u fl-istazzjonijiet ONE b’tant lealtà u bi twemmin sod.
Anke ċ-Chairperson ta’ ONE, Ruth Micallef, sellmet il-memorja ta’ Nicky Briffa u sejħitlu bħal ġentlom u raġel umli, fejn dejjem ta l-aħjar tiegħu lill-istazzjonijiet ONE, li tant kien iħobb sa mill-ħolqien tagħhom lura fid-disgħinijiet.
L-aħħar tislima lil Nicky Briffa se tingħata nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Awwissu fit-tlieta u nofs ta’ waranofsinhar fir-raħal li tant ħabb u ħadem tant għalih.
Nicky mhux se jintesa, anke għax il-ħidma tiegħu mal-milja taż-żmien tibqa’ riflessa fl-istess lokalità.
F’isem l-istazzjonijiet tagħna u l-kollegi kollha, inroddu ħajr lil Nicky ta’ kemm ħadem għall-komunità u l-istazzjonijiet ONE.
Is-sliem Nicky.