Tħabbret l-attività intiża għall-familja kollha, Nickelodeon Treasure Hunt Malta, li se ssir fit-28 u d-29 ta’ Mejju li ġej.
Din se tkun xalata għat-tfal bis-saħħa ta’ avvenimenti ġodda għal Malta li se jkopru s-sentejn li fihom ma saritx din l-attività minħabba l-pandemija tal-Covid-19.
Nickelodeon Treasure Hunt se ssir fl-Atrium tal-Ispazju Kreattiv fil-Belt Valetta.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, ħabbar din l-attività waqt konferenza tal-aħbarijiet. Huwa qal li, waqt dawn l-avvenimenti, it-tfal Maltin se jkollhom l-opportunità li jipparteċipaw f’numru ta’ logħbiet u attivitajiet li bihom se jitgħallmu aktar dwar l-istorja li l-Belt Valletta għandha x’tirrakkonta f’kull triq u binja.
Fl-attivitajiet se jintużaw karattri popolari bħal Sponge Bob, Nella the Princess Knight, Paw Petrol, u Ninja Turtles, li huma rinomati ferm mat-tfal Maltin u Għawdxin, kif ukoll mat-turisti.
Il-Viċi President responsabbli mill-marketing kreattiv ta’ Viacom International, Russel Samuel, esprima l-pjaċir tiegħu li se terġa’ ssir din l-attività u ta’ dettalji dwar dak li t-tfal – anki dawk barranin li jkunu għal btala hawn Malta – se jkollhom iċ-ċans jesperjenzaw.
“So we are really excited to be back in Malta for Nickelodeon Treasure Hunt and we got a whole host of Nickelodeon experiences. We will have a zone celebrating SpongeBob Squarepants, we will be giving kids and families a chance to experience a life-sized crusty crab with lots of activities including meeting SpongeBob himself. We also have a zone around our Nickelodeon slide experience which is the first time we are bringing that to Malta and giving a chance to kids to be slimed or watch their friends and family be slimed.”
Nickelodeon huwa stazzjon televiżiv popolari ħafna ma’ miljuni ta’ tfal madwar id-dinja kollha, u jasal f’iktar minn 500 miljun residenza f’170 pajjiż. Iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Gavin Gulia, spjega kemm hu ta’ importanza li Malta tikkollabora ma’ ditti barranin bħal Nickelodeon li għandhom fama mondjali.
“Huwa importanti ħafna illi l-awtorità Maltija tat-Turiżmu tinvesti fi brands internazzjonali imma mhux brands internazzjonali imma ta’ fama mondjali. Huwa importanti għaliex dawn jagħtuk vetrina ta’ viżibilità madwar id-dinja kollha. Jiġifieri dak kollu li nagħmlu hawn Malta jkun qed jintwera barra minn Malta u jkun magħruf barra minn Malta.”
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li hekk kif flimkien mal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu qed jaħdmu aktar fuq in-niċċa tat-turiżmu għall-familja, dan l-avveniment se jgħin biex it-turiżmu jkompli jikber hekk kif resqin lejn in-normalità.
“Din l-attività li ħabbarna llum se tkompli tiddiversifika l-prodott turistiku ta’ pajjiżna hekk kif aħna issa qegħdin naħdmu wkoll fuq in-niċċa ta’ family tourism. Irridu naraw li l-familji li jiġu Malta bit-tfal tagħhom ikollhom attrazzjonijiet differenti minn ta’ pajjiżi oħrajn sabiex b’hekk huma, waqt li jgawdu l-btala tagħhom f’pajjiżna, ikollhom l-attivitajiet neċessarji illi matulhom igawdu wkoll is-sbuħija ta’ pajjiżna, fosthom tal-belt kapitali tagħna, il-Belt Valletta.”