L-atleta paralimpiku ta’ 16-il sena Nick Mercieca kompla bis-suċċessi tiegħu fl-isport hekk kif fi tmiem il-ġimgħa irnexxielu jsir Black Belt fil-Karate.
Mercieca sar l-ewwel Black Belt fil-Karate bil-Wheelchair f’Malta u dan juri l-impenn u d-dedikazzjoni li għandu fl-isport. Mercieca ilu bosta snin jiprattika dan l-isport ma’ La Salle Karate Club.
Minkejja li għandu spina bifida, kundizzjoni li ma tħallihx juża riġlejh, Nick Mercieca jipprattika wkoll il-calisthenics, il-weight training u l-qdif.
Ftit tax-xhur ilu Nick Mercieca saħansitra waqqaf rekord tad-dinja fil-qdif fuq ġewwa waqt il-Kampjonati Nazzjonali. Huwa kkompeta fil-kategorija tal-irġiel fl-età ta’ bejn il-15 u s-16-il sena PR1, fejn spiċċa l-500m fi 3 minuti 9.6 sekondi, l-ewwel rekord dinji li qatt ġie rreġistrat għal din it-tellieqa.
Nick huwa tassew eżempju ta’ kuraġġ u determinazzjoni u anke ispirazzjoni għal atleti oħra.