Nick Mercieca ngħata l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Diċembru.
Nick Mercieca flimkien ma’ Kurt Farrugia, iż-żewġ para qaddiefa tas-Siġġiewi Rowing Club, stabbilixxew rekords dinjija ġodda fl-Indoor Rowing għall-500m fil-kategoriji rispettivi tagħhom, waqt il-Kampjonati Nazzjonali ta’ Qdif Indoor ta’ Malta.
Nick Mercieca kkompeta fil-kategorija tal-irġiel fl-età ta’ bejn il-15 u s-16-il sena PR1, fejn spiċċa l-500m fi 3 minuti 9.6 sekondi, l-ewwel rekord dinji li qatt ġie rreġistrat għal din it-tellieqa.
Din hija l-ewwel darba li Rekords Dinjija ġew stabbiliti f’Malta waqt il-Kampjonati Nazzjonali tal-Qdif fuq ġewwa jew minn atleti Maltin. Fix-xahar ta’ Diċembru, Nick kiseb żewġ rekords dinjija oħra, li għadhom qed jiġu verifikati mill-World Para Athletics.
Minkejja li għandu spina bifida, kundizzjoni li ma tħallihx juża riġlejh, Nick Mercieca jipprattika wkoll il-calisthenics, il-weight training u l-karate.
It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Diċembru 2022 kif ukoll il-voucher ta’ abbiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju ġew ippreżentati lil Nick Mercieca minn Matthew von Brockdorff, Managing Director & CEO ta’ Atlas insurance. L-Għaqda Ġurnalisti Sports kienet irrappreżentata mill-Amministratur Stephen Azzopardi u l-membru tal-kumitat eżekuttiv Domenic Aquilina.
Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports u Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati jridu jkunu taħt il-21 sena.
In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’email lil info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.
Ritratt: Stephen Azzopardi, Amministratur (MSJA), Nick Mercieca, Prof Joseph Grima President (Malta Paralympic Committee) u Matthew von Brockdorff, Managing Director & CEO (Atlas Insurance).