Nicholette Ghirxi hija l-vittma li fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu nqatlet minn Irlandiż f’appartament f’Birkirkara.
Mill-ewwel ftit informazzjoni, li ksibna, jidher li l-Pulizija interċettaw lir-raġel, li ma kienx jgħix f’pajjiżna, qrib il-Lukanda Hilton, f’San Ġiljan, wara li ħarab minn Birkirkara. Hu nstab max-xatt f’Paceville, biswit il-post fejn ġimgħa ilu kienet aggredita bi flixkun imkisser żagħżugħa Kolumbjana.
Wara li l-Irlandiż heddidhom u ppontalhom dik li dehret arma tan-nar lejhom u wissewh diversi drabi biex iċedi, il-Pulizija kienu kostretti jisparaw fid-direzzjoni tiegħu. Hu mifhum li l-allegat qattiel miet fuq il-post.