Il-ħruġ uffiċjali tal-aħħar edizzjoni ta’ Il-Kappillan ta’ Malta sar f’San Lawrenz, Għawdex, il-Ġimgħa, 13 t’April, 2018. Ir-rumanz, li oriġinarjament inkiteb mill-Ingliż Nicholas Monsarrat, ġie maqlub għall-Malti minn Wistin Born, il-kittieb magħruf ta’ Is-Salib tal-Fidda.
Preżenti għall-ħruġ kien hemm il-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana, u l-sindku tal-Kunsill Lokali, Noel Formosa. Manuskritt oriġinali bil-kitba ta’ Monsarrat għall-plot tar-rumanz, mogħti snin ilu lir-raħal ta’ San Lawrenz mill-armla tal-kittieb, kien għall-wiri.
Nicholas Monsarrat kiteb Il-Kappillan ta’ Maltaf’Għawdex waqt li kien jgħix hawnhekk. Meta ppubblika r-rumanz fl-1973, Wistin Born kiseb il-permess tiegħu biex jaqilbu għall-Malta ħalli Charles Arrigo jaqrah fuq ir-Rediffusion. Il-qari sar fl-aħħar xhur tal-1974 u l-bidu tal-1975.
“Għawdex dejjem laqa’ lil dawk kollha, Malta u barranin, li xtaqu jgawdu mill-hena u l-ġid ieħor li għandna x’’offri l-gżira Għawdxija,” qalet il-Ministru għal Għawdex, “u hekk se tibqa’ tagħmel b’dirgħajn miftuħa.”
Din l-ewwel edizzjoni bil-Malta tar-rumanz famuż ta’ Monsarrat, li kien ġie maqlub ukoll għall-Ispanjol, il-Franċiż, il-Ġermaniż u l-Portugiż, ġiet editjata minn Mark Montebello, patri Dumnikan bħal Wistin Born, u maħruġa mill-Pubblikaturi SKS.
“Monsarrat għex San Lawrenz bħala parti mill-komunità tagħna,” qal is-sindku tal-Kunsill Lokali, “Ma żammx lilu nnifsu maqtugħ, tant li kien iħallas kull sena għal festin tal-Milied għat-tfal kollha tar-raħal.” Is-sindku ħeġġeġ lill-barranin kollha f’Għawdex biex jintegraw.
Il-ħruġ sar qrib id-dar fejn kien jgħix Nicholas Monsarrat flimkien ma’ martu f’San Lawrenz għal għaxar snin sa mewtu fl-1979.
Fr Mark Montebello, l-editur tal-pubblikazzjoni l-ġdida, qal li Monsarrat ħa ħsieb speċjali biex jinkludi lil Għawdex fir-rumanz tiegħu. Monsarrat kien iħobb lil Għawdex, u ma riedx li jħalli ’l barra lill-Għawdxin mill-ġieħ li ried jagħti lill-poplu Malti b’dan ir-rumanz tiegħu.
Il-ktieb qed jinbigħ €12.99 mill-ħwienet ewlenin.