‘Niċċelebraw Team Malta’: attività li kulħadd huwa mistieden għaliha u li se ssir nhar l-Erbgħa 14 ta’ Ġunju fis-7.30 ta’ filgħaxija fi Pjazza Kastilja, il-Belt.
F’din l-attività mimlija spettaklu, il-familji huma mistiedna jattendu u jsellmu lill-atleti li kienu parti minn Team Malta waqt il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa, li sar il-ġimgħa l-oħra f’pajjiżna.
Dan tħabbar fi stqarrija minn Sport Malta, li rrimarkat li s-suċċess ta’ pajjiżna f’dan il-Logħob kien enormi. Malta mhux biss kisbet l-aqwa riżultat iżda rebħet daw minn fost disa’ pajjiżi.
F’dan il-Logħob Malta kisbet 38 midalja tad-deheb, 30 midalja tal-fidda, u 29 midalja tal-bronż.
Huwa għalhekk li, b’rabta ma’ din il-ġimgħa sabiħa għall-isport Malti, il-familji qed jiġu mistiedna jattendu, jiltaqgħu mal-atleti u jassistu għal spettaklu mill-aqwa li se jerġa’ jfakkar l-isbaħ mumenti li pajjiżna kellu f’dan il-Logħob.
Fuq il-palk li se jintrama fi Pjazza Kastilja se jkun hemm spettaklu minn Amber, Aidan, u minn live band.
Iż-żewġ kantanti se jinterpretaw il-kanzunetta uffiċjali ta’ dan il-Logħob, ‘Shine Your Light’.
Magħhom fuq il-palk se jingħaqdu d-DJs Ziggy u David, filwaqt li mhux se jonqsu l-logħob tan-nar u projezzjonijiet sbieħ fil-pjazza.
SportMalta qalet li l-isport f’pajjiżna wera għaqda mill-isbaħ wara Team Malta u din l-attività għandha tkun opportunità oħra biex flimkien inkomplu nagħtu l-appoġġ lill-atleti Maltin u Għawdxin sabiex ir-riżultat li nkiseb f’dan il-Logħob iservi ta’ tarġa oħra biex ikompli jinkiseb iżjed suċċess għall-isport Malti.