Illum tnieda l-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-sena 2020 bit-tema ‘Niċċelebraw is-suċċess tal-ħaddiema tagħna’.
Fl-edizzjoni ta’ din is-sena ser ikun hemm seba’ kategorija, b’erbgħa minn dawn huma kategoriji ġodda li jirriflettu r-realtajiet ġodda tad-dinja.
Dawn is-seba’ kategoriji huma; Premju tas-Sena għall-organizzazzjoni li tħaddem u li tippromwovi miżuri favur il-Familja 2020, Premju tas-Sena għall-organizzazzjoni li tippromwovi s-sostenibbilità u ir-responsabbilta’ soċjali 2020, rappreżentant ta’ Trade Union tas-Sena 2020, rappreżentant ta’ min iħaddem tas-Sena 2020, tim tas-Sena 2020, maniġer tas-Sena 2020, premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena 2020.
Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela spjega li dawn l-erba’ kategoriji ġodda huma indikazzjoni tal-impenn tal-Gvern li jippremja numru ikbar ta’ ħaddiema illi jagħmlu sforz biex ix-xogħol jimxi ‘l quddiem.
Il-Ministru Abela nnota wkoll ir-riżultati pożittivi li l-Gvern qiegħed jikseb fil-qasam tal-impjiegi, fosthom kif, fl-aħħar statistika dwar il-qgħad fl-Unjoni Ewropea, Malta klassifikat fl-ewwel post bl-anqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi kollha taż-żona ewro u fit-tielet post fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
“Qed naraw li qed ikun hemm tnaqqis fil-qgħad, anke meta imqabbel dak li għaddej fiż-żona Ewro u fl-Unjoni Ewropeja kolha kemm hi. Dan huwa sforz kolletiv, għandek il-ħidma tal-Gvern, il-ħidma ta’ sħab soċjali l-oħra minn jipprovdi x-xogħol u anke dawk li jirraprezentaw il-ħaddiema.” Stqarr il-Ministru Abela.
In-nominazzjonijiet jibdew jintlaqgħu mil-lum 6 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Ottubru. L-applikazzjonijiet isiru biss onlajn fuq is-sit www.msd.gov.mt.