Tmintax-il student rebbieħ minn diversi skejjel lokali rċevew premjijiet għall-parteċipazzjoni eċċellenti tagħhom fl-14-il Kompetizzjoni tal-Arti taċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina, ko-organizzata miċ-Ċentru u mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni.
Din is-sena, it-tema ta’ din il-kompetizzjoni annwali kienet ‘Niċċelebraw il-Ħbiberija bil-Fjuri’ biex tagħti ġieħ lir-rabta dejjiema ta’ ħbiberija bejn iċ-Ċina u Malta.
Filwaqt li ferħet lill-istudenti għat-talent tagħhom u wriet apprezzament lill-għalliema dedikati, Yuan Yuan, Direttur taċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta qalet, “Din il-kompetizzjoni mhux biss tipprovdi pjattaforma għall-istudenti biex juru l-kreattività u t-talent tagħhom iżda sservi wkoll bħala pont ta’ fehim kulturali bejn in-nazzjonijiet tagħna.”
Mary Scicluna, Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-People Management fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, ferħet ukoll lill-istudenti u lill-għalliema tagħhom. Hija qalet li x-xogħolijiet ta’ dawn l-artisti żgħażagħ urew ir-rabtiet qawwija ta’ ħbiberija u kooperazzjoni li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn Malta u ċ-Ċina.
Isaac Abdilla, student tas-Sekondarja mill-Kulleġġ Stella Maris, rebaħ l-Ewwel Premju.
“Ippruvajt naħseb dwar kif il-fjuri jistgħu jkunu suġġett relevanti għall-konnessjoni man-nies. Għalhekk poġġejt il-fjuri f’idejn in-nies u użajt iz-zkuk u ċ-ċfuf bħala mod kif tgħaqqad ir-rabtiet flimkien.”
Isaac Abdilla
Rafel Gatt, student tal-Iskola Medja mill-Kulleġġ Stella Maris, rebaħ it-Tieni Premju.
“Qabel ma ħriġt bl-idea tiegħi, għamilt xi riċerka dwar iċ-Ċina. Kont partikolarment interessat fl-arkitettura Ċiniża. Eventwalment, ħriġt bl-idea li npinġi l-arkitettura tradizzjonali Maltija u Ċiniża, flimkien ma’ foresta tal-ġebel li tinsab fiċ-Ċina u pajsaġġ rurali tipiku Malti.”
Rafel Gatt
Mikaela Borg, studenta tal-Iskola Medja mill-Kulleġġ St Thomas More il-Ħamrun, rebħet it-Tieni Premju.
“Meta nisma’ dwar il-ħbiberija, mill-ewwel nivviżwalizza żewġt iħbieb tal-qalb. Għalhekk iddeċidejt li npinġi żewġ persuni, Ċiniża u Maltija, qegħdin jitbandlu u mdawrin bil-fjuri.”
Mikaela Borg
Ir-rebbieħa l-oħra kienu: L-Ewwel Premju tal-Iskejjel Medja – Luigi Gatt mill-Kulleġġ St Edwards u Jan Stroud mill-Kulleġġ Stella Maris; It-Tieni Premju tal-Iskejjel Medja – Nathan Scicluna, Matteo Pagani u Sean Gatt mill-Kulleġġ Stella Maris, u Craig Pellicano mill-Kulleġġ St Edwards; It-Tielet Premju għall-Iskola Medja – Elisa Buhagiar mill-Kulleġġ San Nikola, Levente Csengeri, Jude Bonnici Peresso, Aziz Mezred, Edward Stilon, Matias Juan De Flavi u Rowan Ciantar minn St Edwards College. It-Tieni Premju għall-Iskola Sekondarja – Noah Camilleri mill-Kulleġġ Stella Maris; It-Tielet Premju – Lee Bezzina mill-Kulleġġ Stella Maris.
Ix-xogħlijiet rebbieħa qegħdin jiġu esebiti ġewwa sala fiċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina li jinsab 173 Triq Melita l-Belt. Din il-wirja se tibqa’ miftuħa għall-pubbliku sa nhar it-Tnejn, 17 ta’ Lulju.