Aħna l-katalisti tal-bidla u l-qalba diġitali, flimkien mal-qalba ambjentali qed ikomplu jixprunaw il-bidla f’pajjiżna, anki fis-servizz pubbliku.
Dan kien il-messaġġ ewlieni li għadda l-Prim Ministru Robert Abela, waqt laqgħa tal-Kabinett tal-Ministri li kienet miftuħa għan-nies, li saret fl-Expo tas-Servizz Pubbliku li saret fl-MFCC, f’Ta’ Qali.
Dr Abela semma li fl-aħħar ħames snin sar investiment ta’ €500 miljun fil-qalba diġitali tas-servizz pubbliku u qal li l-Gvern se jkompli jwettaq dawn il-bidliet mingħajr ma jitfa l-ebda piż fuq il-familji Maltin u Għawdxin.
Il-Prim Ministru qal li l-intelliġenza artifiċjali hija fiċ-ċentru tal-viżjoni għall-qalba li se jkompli jagħmel is-servizzi pubbliku. Sostna li dan se jwassal biex fis-setturi tal-ġustizzja u anki dawk tas-saħħa se tkun qed ittejjeb l-effiċjenza f’dawn is-setturi importanti.
Semma li fost il-bidliet li għad fadal għall-ġejjieni hemm dawk favur l-ambjent, fosthom billi tiddaħħal aktar il-prattiki li ma jkunx hemm ħela fl-enerġija u anki billi jkun hemm aktar effiċjenza enerġitika, fosthom anki bil-bini.
Hawnhekk il-Prim Ministru appella sabiex is-servizz pubbliku jibqa’ viċin in-nies u biex anki jkompli jixpruna l-bidla.
F’dan it-tieni Kabinett miftuħ għall-pubbliku, tkellmu bosta persuni li jaħdmu fiċ-ċivil u anki fil-privat. Fost il-kelliema kien hemm is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Tony Sultana, li qal li bħala amministazzjoni pubblika investa fis-settur diġitali sabiex jasal għand in-nies aktar faċli.
Qal li bħala pajjiż inħolqot ekonomija diġitali, li bbenefika kemm is-settur pubbliku u anki dak privat.
Sultana qal li permezz ta’ din l-attivita qed tingħata ħarsa lejn ix-xogħol li jsir, b’intenzjoni li l-pubbliku jara l-investiment qawwi li sar fit-teknoloġija.
Huwa qal li f’dan is-settur se jkun hemm aktar investiment, anki minkejja sfidi ġodda li se joħolqu affarijiet bħall-inteligenza artifiċjali.
Tony Sultana qal li għandu jkun hemm riformi ġodda li m’għandniex nibżgħu minnhom u mhux li jonqsu n-nies mis-settur pubbliku, iżda li jkun hemm aktar impjiegi.
Qal li l-viżjoni għandha tkun xprunata mill-bżonnijiet tan-nies, biex is-servizzi jaslu bl-aktar modern.