Il-pjan tal-Gvern għall-Marsa huwa li din il-lokalità tkun post vibranti ta’ negozju, xogħol, u kultura.
Dan intqal mill-Prim Ministru Robert Abela meta kien qed jitkellem quddiem il-Marsin, fejn semma l-potenzjal tal-Marsa biex tkun simbolu ta’ prosperità ġdida fid-deċenju li jmiss.
Qal li l-Gvern Laburista għamel bosta proġetti f’din il-lokalità, ewlenin fosthom l-għeluq tal-powerstation u l-għeluq taċ-ċentru miftuħ tal-immigranti.
Stqarr, “Kif ħabbarna fil-baġit li għadda nedejna pjan li permezz tiegħu mal-Awtorità tal-Ippjanar se jkun hemm ir-reviżjoni tal-pjan lokali għal dak li tolqot iż-żona tal-Menqa u tal-madwar. Dan ifisser li meta fil-manifest elettorali, fost waħda minn dawk l-elf miżura, konna tkellimna dwar pjan ta’ riġenerazzjoni soċjo-ekonomika għal bosta lokalitajiet.”
Ma’ dawn, il-Prim Ministru semma li b’sinġerija ma’ diversi entitajiet saret ħidma biex sar tisbiħ fil-housing estates, f’ġonna u spazji miftuħa u infrastruttura aħjar.