Minkejja li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jipprova jipprovoka, qed jipprova jħarrax lin-nies u li jrid li nerġgħu lura għall-politika tal-kuluri, tal-Partit Nazzjonalista kontra tal-Partit Laburista, għax hekk biss jista’ joffri, aħna se nibqgħu noffru l-id tal-ħbiberija.
Stqarr dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat fuq One Radio.
Il-Mexxej Laburista stqarr li Simon Busuttil jixtieq li aħna nagħmlu bħalu, li jkun hemm min jaqa’ għal din il-provokazzjoni li hija organizzata bl-aktar mod ċar. L-elezzjonijiet jiddeċudhom mhux in-nies li jmorru l-mass meetings, imma dawk li fil-kwiet ta’ djarhom jaraw kif sejrin fi bwiethom, kif se jmorru fil-futur u li dawk li jridu jagħżlu ma’ min iridu jaħdmu, sostna Dr Muscat.
Minkejja dan, issokta jgħid il-Prim Ministru, ċertu tip ta’ kampanja ta’ ħmieġ bħal dik li Simon Busuttil prova jgħid li jien għandi xi kumpanija fil-Panama, missni tkellimt fuqha mill-ewwel, għax dak huwa gideb, u kien għalhekk li jien għedt li Simon Busuttil huwa giddieb u ħalliel tal-verità. Joseph Muscat fakkar kif meta darba waħda ddeskriva lil Lawrence Gonzi bħala giddieb, kienu nkitbu ħafna editorjali, u għalhekk kien iddeċieda li ma jerġax jgħidha u minflok juża kliem differenti iżda llum il-gideb trid tgħidlu gideb.
Dr Muscat għamel referenza għall-programm Dissett immexxi minn Reno Bugeja u filwaqt li semma kif Bugeja zgur li għandu reputazzjoni li ma jħares lejn wiċċ ħadd meta jiġi għall-mistoqsjiet, silet dikjarazzjoni li għamel Simon Busuttil fl-istess programm fejn qal li mhux xogħolu li jġib il-provi dwar Egrant, iżda dan huwa xogħol il-pulizija.
“Allura x’inhu xogħolu, li jħammeġ biss?”
Hekk staqsa l-Mexxej tal-Partit Laburista filwaqt li saħaq li mhux ta’ xejn lin-nies taħt il-Kap tal-Oppożizzjoni jagħmlu agħar minnu meta jarawh jigdeb daqshekk. Il-Prim Ministru semma kif fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista, kandidat ta’ Simon Busuttil qabad u gideb fuq il-Ministru Chris Fearne u spjega kif dan il-kandidat qal li jekk irid il-Ministru Fearne jaqbad u jiċħadha, liema ċaħda saret bil-qawwi għax kienet gidba sfaċċata. Il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jikkontrolla s-sitwazzjoni, tenna Joseph Muscat.
Dwar din it-tip ta’ kampanja, il-Mexxej Laburista qal li huwa tkellem privatament ma’ esponent għoli fi ħdan il-Partit Nazzjonalista u kien hemm qbil lir-rizultat ta’ dan it-tip ta’ attitutni se jwassal biex inqas żgħażagħ jersqu lejn il-politika għax jgħidulek għalfejn għandi nesponu ruħi u lil familja tiegħi daqshekk?. Minn din is-sitwazzjoni se jbati l-pajjiż kollu fil-ġenerazzjonijiet li jmiss, iżda jien mhux se nħalli li l-Partit Laburista jmur f’din it-triq li jrid Simon Busuttil. In-nies fil-kwiet ta’ djarhom jafu li din mhux it-triq li għandna nieħdu bħala pajjiż, stqarr il-Prim Ministru.