Pajjiżna se jibqa’ jkun immodernizzat. Kien dan il-messaġġ tal-Prim Ministru, Joseph Muscat, li f’attività politika f’San Pawl il-Baħar tkellem dwar it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u l-fatt li dawn dejjem jagħtu r-riżultati.
“Il-proċess li bdejna mill-2013 għal-lum huwa l-immodernizzar ta’ dan il-pajjiż. Li dan il-pajjiż noħorġuh mir-raqda li kien fiha u nġibuh mhux biss tajjeb għal preżent iżda lest għall-futur. Dik hija l-essenza ta’ dak li qed ngħamlu f’kull qasam,” saħaq Joseph Muscat li tenna li dan il-pajjiż irridu nlestuh għal għada.
Il-Prim Ministru spjega fit-tul dwar kif sar u se jkomplu jsiru bidliet sinjifikanti f’dak li għandhom x’jaqsmu l-istituzzjonijiet. Dan b’rabta mal-famuża frażi tar-rule of law.
Joseph Muscat tkellem dwar il-bidliet li diġa’ saru. Bidliet kbar bħat-tneħħija tal-preskrizzjoni għall-politiċi.
“Waħda mill-ikbar bidliet li għamilna sa mill-ewwel ġurnata,” qal Joseph Muscat li rrefera kif politiku responsabbli għal għomru.Irrefera għal ċertu kritika fuq livell Ewropew u fisser id-differenza minn pajjiżi Ewropej oħra li jkun hemm min jipprova jqabbilna miegħu għal skopijiet politiċi.
“Jibdew iqabbluna ma’ pajjiżi oħra. Hemm differenza waħda bażika li l-pajjiż jew tnejn li qed jissemma qed jissemma minħabba liġiiet li għamlu gvernijiet li hemm bħalissa. Gvern minnhom iddeċieda li jgħaddi liġi biex neħħa l-Prim Imħallef li kien hemm u jdaħħal Prim Imħallef ieħor. Pajjiż ieħor biddel il-liġijiet biex lill-NGOs jirregolahom b’mod differenti. It-tnejn li huma ġibdu l-attenzjoni. Fil-każ ta’ Malta fuqiex qed jikritikawna? Fuq xi liġi li daħħal dan il-gvern? Le. Fuq liġijiet li ilhom hawn,” qal Joseph Muscat.
B’mod ċar u tond spjega” “Dan il-gvern qed jiġi kritikat mhux fuq li għamel, imma fuq li wiret.”
Tant il-gvern huwa miftuħ li stieden lill-Kummissjoni Venezja biex tagħti wkoll il-pariri tagħha bħala entità indipendenti.
“Għidna ejja mmorru għand dawn in-nies biex jgħidulna x’jaħsbu u jagħtuna l-pariri anke fuq liġijiet li ddeċidejna li nbiddlu,” qal Joseph Muscat li nnota kif l-Oppożizzjoni li l-ħin kollu tikkritika ma ħaditx gost b’dan.
Iżda, fuq kollox mhux biżejjed li l-istituzzjonijiet jinbidlu iżda jridu jitħallew jaħdmu u hawn ikkummenta fuq kif meta l-Kummissjoni Venezja kienet avviċinata aġixxiet l-oppożizzjoni.
“Din l-oppożizzjoni tkażat bil-gvern għax mar għall-parir quddiem il-Kummissjoni Venezja. Meta ħaddieħor imur jirrapporta l-pajjiż dak xogħlu. Meta l-gvern mar jieħu parir serju jiġi kritikat,” qal il-Prim Ministru li tenna l-fiduċja tiegħu li l-istituzzjonijiet dejjem iġibu r-riżultati.
Ta l-appoġġ tiegħu lill-istituzzjonijiet li meta kritikati ma jkunux jistgħu iwieġbu u min jattakahom dan jafu. Fosthom l-Imħallfin, il-Pulizija u dawk li jirregolaw is-settur tas-servizzi finanzjarji.
“Iż-żmien se jagħtina parir bejn min iparla ħafna u min jaħdem ħafna u jġib ir-riżultati. Riżultati mhux tal-politiċi imma tal-istituzzjonijiet li jridu jingħataw il-ħin biex jaħdmu, l-ispazju u l-fiduċja,” iddikjara l-Prim Ministru li tenna li kull min jaspira li jmexxi dan il-pajjiż lill-istituzzjonijiet irid jiddefendihom
Jiddefendihom minn min fi ħdan jrid jaħdem kontra dawn l-istituzzjonijiet. Kemm f’Malta u kemm barra. Mingħalihom li qed jagħmlu xi gwadann elettorali. Mingħalihom qed jattakkaw lil Joseph Muscat imma bħal dak li jobżoq fl-ajru u jiġi f’wiċċu. Il-ħmerija jekk jiġi f’wiċċ il-pajjiż kollu,” kompla l-Prim Ministru li tkellem dwar kif ċerti esponenti ntilfu f’dagħdigħa insensata.
Għamel referenza lejn diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni iktar kmieni din il-ġimgħa fejn qal li l-gvern u l-oppożizzjoni jridu jaħdmu flimkien.
“Naqbel miegħek mija fil-mija li naħdmu għall-pajjiżna flimkien. Jien naf li miegħi u warajja għandi 100% tal-gvern li lesti naħdmu flimkien mal-Oppożizzjoni. Int iġbor imqar il-50% ħalli verament inkunu nistgħu naħdmu għal ġid tal-pajjiż,” tenna l-Prim Ministru li rrefera għad-diskussjoni fil-Parlament nhar it-Tnejn li għadda.
“Kif qomna biex ngħidu din id-diskussjoni ssir minn naħa l-oħra baqgħu ċċassati. Kellna kelliem wara l-ieħor lesti biex jitkellmu u minn naħa tal-oppożizzjoni jitkellmu bejniethom biex jaraw min se jitkellem,” qal Joseph Muscat li fakkar kif kellhom konferenza tal-aħbarijiet lesta fl-istess ħin li ridu jiddiskutu. “Mela sewwa ngħid jien. Dawn kolla reċti. Jekk sejjaħt dibattitu u fl-istess ħin sejjaħt il-media qas int stess mhu tieħu bis-serjeta lilek innifsek,” fakkar il-Prim Ministru li elenka setturi oħra fejn qed issir il-bidla.
Fost oħrajn fakkar kif mill-pajjiżi kollha tal-Ewropa aħna konna wieħed minn tliet pajjiżi mistidna biex nuru l-Ewropa dak li qed ngħamlu fl-oqsma tal-intelliġenza artifiċjali u teknoloġiji ġodda.
Irrefera għal proġett tar-robotika fit-tqassim tal-pilloli li dettalji tiegħu ngħataw din il-ġimgħa u qal li dan hu biss il-bidu.
“Se naslu f’sitwazzjoni dalwaqt li jkollna magni joperaw mal-ispeċajlisti tagħna. Fejn irridu naslu? Sal-lum għandna l-buttuna tat-telecare… irridu naslu li ta’ kuljum ikollok magna żgħira d-dar fejn tpoġġi subgħajha l-anzjana u toħodlok il-pressjoni u tgħamel testijiet bażiċi li l-magna tgħidlek għandekx bżonn tara tabib jew le… immaġinaw it-titjib fil-livell tal-ħajja tal-anzjani tagħna li ta’ kuljum ikollhom qisu t-tabib tagħhom id-dar,” żvela l-Prim Ministru.
Bidla oħra f’Għawdex fejn se jsir proġett biex l-ilma ta’ din il-gżira jkun prodott f’Għawdex stess u għal dan il-għan intgħażlet binja li kienet diġa’ teżisti u għandha valur arkitettoniku.
“Mill-istituzzjonijiet sal-infrasturtura għaddejin bl-immodernizzar tal-pajjiż. Dan l-immodernizzar mhux se jieqaf. Iktar se jikkarga ‘l quddiem. Meta xi ħadd jipprova jaqtalna qalbna jien it-talba tiegħi lejkom hija biex inżommu sod,” sostna l-Prim Ministru.
“It-tajjeb tal-ekonomija se jibqa’ jitjieb. It-tajjeb tal-infrastruttura se jkompli jitjieb. It-tajjeb tal-istituzzjonijiet taħgna se jkompli jitjieb. It-tajjeb tal-kwalita tal-familji tagħna se jkompli jitjieb biex kulħadd jgħix is-suċċess,” qal Joseph Muscat.