“Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali jikkonferma kif dawk li fl-aħħar xhur ippruvaw ipinġu stampa sewda fuq il-ħabs, speċjalment l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, ma kellhomx raġun.”
Kien b’dan il-mod skjett li ma’ ONE News, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, aċċenna għar-rapport pożittiv tal-Awditur Ġenerali dwar il-Ħabs.
F’dan ir-rapport, li fil-fatt ħareġ l-Erbgħa filgħaxija, l-Awditur Ġenerali nnota l-ordni,l- organizzazzjoni u ż-żamma tal-indafa fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Fost ħafna iktar affarijiet l-Awditur innota wkoll it-tnaqqis konsideroveli tal-abbuż tad-droga fil-Ħabs u t-titjib notevoli fl-infrastruttura tal-ħabs.
Dwar dan ir-rapport, il-Minsitru Byron Camilleri qal hekk.
Spjega, “Ir-rapport jelenka diversi oqsma li sar titjib konsiderevoli fl-aħħar snin. Qabel xejn is-sigurtà u n-nuqqas ta’ droga fil-post, il-fatt li żdiedu numru kbir ta’ professjonisti, il-qasam mediku li sar anke Medical Centre, li ġew introdotti anke numru ta’ ħaddiema fil-qasam soċjali u anke mediku ġewwa l-faċilità sabiex jassistu lill-priġunieri.”
Madankollu l-Ministru ma waqafx hawnhekk hekk kif spjega li dan ir-rapport filwaqt li hu tajjeb m’għandux itellef il-ħidma kontinwa favur aktar titjib fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Qal, “Dan ma jfissirx li m’għandniex inkomplu naħdmu u allura l-impenn tagħna huwa li filwaqt li nkomplu nibnu fuq l-ordni li llum hemm, speċjalment ikkumparat mal-ġungla li kien hemm fi żmien il-Partit Nazzjonalista, li inkomplu nieħdu deċiżjonijiet u miżuri, li nkomplu ntejbu fir-rijabilitazzjoni u nkomplu nagħmlu l-post li jkun wieħed aħjar.”