“Ma nistgħux immorru lura minn obbligi li qbilna dwarhom u rridu nibqgħu ffokati lejn operat ekonomiku nadif, li għandu jwassal għall-għan ta’ tnaqqis ta’ grad u nofs fit-temperatura skont il-Ftehim ta’ Pariġi”.
Saħaq dan il-Prim Ministru Robert Abela meta fi New York indirizza laqgħa għolja tal-plenarja waqt li qed titlaqqa’ l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda.
Din il-laqgħa dwar iż-żieda fil-livell tal-baħar ġiet indirizzata wkoll mill-President tal-Assemblea Ġenerali, Dennis Francis, u s-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, António Guterres.
Fil-kuntest li dan il-fenomenu hu theddida reali anke għar-reġjun tal-Mediterran, il-Prim Ministru Malti rrikonoxxa li, anke jekk il-pajjiżi madwar id-dinja jibqgħu konformi mal-pjani kontra t-tisħin globali, il-fenomenu taż-żieda fil-livell tal-baħar jibqa’ sfida ewlenija. Qal li għalhekk l-isforzi ta’ kulħadd huma importanti, għax din hi theddida għall-umanità inġenerali.
Dr Abela spjega kif din hi sfida li tolqot lil kulħadd anke b’mod ekonomiku. Saħaq li stati żgħar, partikolarment gżejjer bħal Malta, qegħdin fuq quddiemnett jiffaċċjaw din l-isfida fl-immedjat.
Innota kif, fl-ewwel opportunità tal-Presidenza Maltija f’dan it-terminu ta’ sentejn bħala membru mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Maqgħuda, Malta tellgħet fuq l-aġenda l-isfida tal-bidla fil-klima, b’mod speċjali fejn jidħol tali fenomenu fil-baħar. Qal li llum hu sodisfatt li pajjiżna kkontribwixxa biex din it-tema titla’ fil-quċċata tal-aġenda tal-Ġnus Maqgħuda.
Dr Abela qal li pajjiżna se jibqa’ jappoġġja d-diskussjoni biex tiġi indirizzata bis-serjetà l-kwistjoni. “Irridu naġixxu flimkien illum qabel għada”, iddikjara l-Prim Ministru, waqt li kompla li, bħala komunità internazzjonali, irid ikun hemm qafas legali b’saħħtu f’dan ir-rigward, għax dan hu aspett li jrid anke jwassal għal ordni internazzjonali meta hemm interessi differenti minn bosta pajjiżi.