Riċentement il-President tal-Qrati għamel suġġeriment li jinsab post ikbar għall-qrati. Qisu l-ispazju li hemm mhux biżżejjed. U dan wara li l-uffiċċji tal-Imħallfin marru fid-dar San Tumas Moore fi Strada Stretta, u qabel kienet ittieħdet dar oħra ħalli saret il-Qorti tal-Familja.
Assolutament ma naqbilx u jkun ħela ta’ flus il-poplu.
Fil-qrati ili ndur u nagħqad għal dawn l-aħħar 51 sena. L-ewwel bħala reġistratur mis-sena 1966, umbagħad mis-sena 1970 bħala avukat. Jien ilħaqt il-Qorti maqsum fi tnejn. Il-Qorti tal-Maġistrati Triq l-ifran ‘l isfel u Qrati Superjuri fil-Berġa tal-Italja fejn illum hemm it-Turiżmu, u aktar kif kienu jafuh in-nies bħala l-Posta.
Meta morna fil-bini fejn hu llum, suppost li kellu spazju biżżejjed. Maż-żmien żdiedu l-awli fil-bini tal-Qorti u allura fejn isir ix-xogħol kien hemm aktar. Dan l-aħħar żdiedu aktar. Forsi kieku nbena llum dak il-bini kien ikun imfassal b’mod li aktar toħroġ sulari fl-istess spazju. Għax dak l-għoli kollu għalxiex? Imma dak hemm, u jekk għandu jsir tibdil irid idur ma’ problema bħal din.
Imma hemm bżonn ?
Li ma nbidilx, jew saret bidla għall-agħar, hu li kull ġudikant jippretendi li jkollu l-awla tieghu! Issa kieku l-Imħallfin u l-Maġistrati jaħdmu ħamest ijiem fil-ġimgħa fl-istess post, ngħid bir-raġun. Dan jiġri biss fl-awla tal-ġurijiet meta jkun hemm ġuri. L-imħallfin u l-Maġistrati, b’ċerti eċċezzjonijiet jaħdmu tlett ijiem fil-gimgħa.
Nhar ta’ Tnejn jaħdmu ftit, nhar ta’ Ġimgħa anqas, umbagħad kulħadd iross fuq it-Tlieta, l-Erbgħa u l-Ħamis. Jekk tridu tkunu tafu morru quddiem il-qorti t-Tlieta u taraw serbut nies li jasal sas-Savoy !!! Umbagħad ejja bħal-lum, u fil-kurriduri tal-Qorti, fuq u isfel tista’ tiġri bl-iskates. Dan rajtu llum stess b’għajnejja. Illum ħadmu (u mhux xi folol) 14-il ġudikant, u awli hemm 27! Tnax kienu battala.
Nhar it-Tnejn, se jaħdmu 21 u jibqa’ għalhekk 6 vojta.
It-Tlieta se jaħdmu 22 u goffi, u xorta jibqa’ 5 awli vojta.
Issa li Mħallef jew Maġistrat jippretendi li jagħlaq l-awla biċ-ċavetta għax tiegħu hija kompletament żbaljata. Fl-ebda pajjiż fid-dinja ma hemm dan il-pussess fuq l-awla. Jien dort ftit qrati mhux ħażin fid-dinja. Ikun hemm management fuq l-użu tal-ispazju u għal kemm ħin.
Meta fi Florida, USA, kienet qed issir il-famuża kawża ta’ Al Gore kontra Bush għax kienu qed jagħmlu recount tal-voti, l-Imhallef kien qalilhom li l-użu tal-awla kien limitat bil-ħin għax ħaddiehor kien diġa’ bbukkjat ħalli jużaha l-għada.
Tajt daqqa t’għajn lejn ir-Royal Courts of Justice, li qegħdin l-Istrand, Londra. Malajr issib li l-Awla għandhom in-numru, u jgħidu min se jaħdem fihom. Wara kollox l-awla mhux bħal bank tal-għodda. Jekk tkun mastrudaxxa mod, jew tkun ħaddied mod ieħor, u jekk tkun skarpar l-għodda hija differenti.
Wieħed mill-Imħallfin li jaħdem ħafna, issibu jdur minn awla għall-oħra, ġurnata banda u ġurnata oħra.
Forsi aħjar isir investiment kif ikun hemm management aħjar tax-xogħol. Jaqbel lil kulħadd. Ġieli ċ-ċelel isfel ikun fgati bil-priġuneiri u ġranet prattikament xejn. Saħansitra l-gwardjani mal-bieb u s-security. Morru staqsuhom fuq nhar ta’ Tlieta, u fuq nhar ta’ Ġimgħa!!!!