Nhar it-Tnejn li ġej, fid-disa’ ta’ filgħodu, se joħroġ il-vidjow mużikali uffiċjali tad-diska ‘Bla Tarf’.
Aktar kmieni din is-sena ‘Bla Tarf’, li hija interpretata minn Kurt Calleja, rebħet it-tieni edizzjoni tal-festival Mużika Mużika.
F’dan il-festival, li ċċelebra bl-aħjar mod it-talent Malti u li kien ippreżentat bi produzzjoni ta’ livell għoli ħafna, il-kanzunetta ‘Bla Tarf’ kisbet mija u punt.
Crew ta’ dan l-istazzjon żar Miġra l-Ferħa, fejn seta jara l-aħħar tħejjijiet qabel joħroġ b’mod uffiċjali l-vidjow ta’ din id-diska.
Hemmhekk, Kurt Calleja nnifsu spjega li d-diska inġenerali hija ispirata minn koppja li ltaqgħu flimkien fi programm tar-rijabilitazzjoni mid-droga u għamlu kuraġġ b’xulxin.
Huwa qal li, f’punt fejn dawn ma kienx fadlilhom tama, tassew sabbru lil xulxin u storja negattiva dawruha f’waħda pożittiva.
Qal, “Il-koppja li ktibt id-diska ‘Bla Tarf’, li kienu koppja fil-vizzju tad-droga, u koppja żeffiena li qed tirrappreżenta lil din il-koppja. Hemm daqsxejn ideat astratti u mhux daqshekk faċli li jsiru, imma grazzi għall-protezzjoni ċivili aħna qed naraw li kollox isir b’sigurtà kbira”.
Huwa ta wkoll togħma żgħira ta x’se nkunu qed naraw nhar it-Tnejn li ġej.
Stqarr, “Matul dan il-filmat se jkun hemm simboliżmu li jirrappreżenta l-vjaġġ li għaddiet minnu din il-koppja fejn qabel kienu fil-vizzju u issa qed igawdu mħabba bla tarf.”