Kif kien imwiegħed, nhar it-Tnejn li ġej, l-istudenti Għawdxin tal-ewwel u t-tieni sena fis-sekondarja se jidħlu għall-ewwel darba fl-Iskola Medja l-ġdida.
Ħabbar dan il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri waqt żjara li għamel f’din l-iskola u hawnhekk spjega kif matul l-aħħar xhur kif ukoll waqt il-festi tal-Milied, x-xogħol baqa’ għaddej bla waqfien biex l-istudenti jkunu jistgħu jieħdu l-edukazzjoni f’ambjent modern u mill-isbaħ.
Il-Ministru saħaq li x-xogħol f’dan il-kumpless edukattiv se jibqa’ għaddej sabiex ikun komplut kollu kemm hu qabel is-sena skolastika li jmiss fejn mbagħad ukoll jidħlu l-istudenti fil-parti ta’ l-iskola Primarja l-ġdida.
“Dak li ħaddieħor għamel għexieren ta’ snin iwiegħed lil Għawdxin, aħna qed inwettquħ bil-fatti” temm jgħid il-Ministru.
Dan il-proġett huwa parti minn dak tal-bini ta’ Skola Primarja ġdida fir-Rabat, Għawdex, li se tieħu post dik preżenti li għandha madwar 160 sena, huwa proġett b’investiment ta’ madwar €18-il miljun u jinvolvi wkoll it-tkabbir u l-immodernizzar tal-Iskola Medja fl-istess kampus.