Nhar is-Sibt li ġej, il-Gvern se jagħti żewġ pagamenti ta’ benefiċċji; dak tal-In-Work Benefit u anki dak tal-Carers’ Grant. B’dawn se jkomplu jissaħħu, żdiedu l-għadd ta’ benefiċċjarji eliġibbli u wara li twessgħu t-threshold.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern mill-Ministru għall-Politika Soċjali Michael Falzon, li sostna li dawn iż-żewġ benefiċċji ddaħħlu minn Gvern Laburista.
Bil-benefiċċju tal-In-Work Benefit se jkunu investiti €3.34 miljun u se jkunu qed jibbenefikaw 23,074 familja.
Dan filwaqt li t-tieni pagament li se jingħata huwa dak tal-Carers’ Grant, li dan se jingħata għat-tieni darba din għal din is-sena – li jkopri l-perjodu ta’ bejn April u Ġunju.
Hawnhekk ġie spjegat li n-numru ta’ benefiċċjarji sal-ewwel nofs tas-sena tela’ għal 423 u l-investiment għall-istess perijodu hija ta’ kważi miljun ewro.
Il-Ministru Falzon qal li kif imwiegħed fi-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, minn din is-sena, dan il-pagament se jogħla għal nofs il-Paga Minima netta; jiġifieri aktar minn €4,500. B’dan qed jingħata f’erba’ pagament kull tliet xhur.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali, Mark Musu fakkar li l-proċess għall-In-Work Benefit issa sar wieħed awtomatiku u m’hemmx bżonn iżjed li ssir applikazzjoni.
B’dan wassal biex in-numru ta’ dawk li jibbenefikaw minn dan il-pagament issa triplaw, hekk kif minn 30% dawk li qed igawdu minn dan il-benefiċċju kien ta’ 96%.