Għat-tielet sena konsekuttiva se tittella’ ‘Festa Ħut’ fir-raħal tas-sajjieda f’Marsaxlokk. Bħal ma fl-Imnarja tiġi ċċelebrata l-ħidma tal-bdiewa u r-raħħala, f’din il-festa tiġi ċċelebrata l-ħidma tas-sajjieda li din is-sena ser issir bi ftit ta’ diżapunt għall-fatt li l-lampuki ftit li xejn imlew it-tilari tal-bejjiegħa kif qalilna Leonard Callus li ilu jistad għal dawn l-aħħar ħamsin sena.
Waqt it-tnedija tal-attività li tibda fis-7 ta’ filgħaxija, is-Sindku ta’ Marsaxlokk Horace Guaci spjega li r-ristoranti ser jarmaw l-imwejjed tagħhom tul ix-xatt tas-sajjieda u se jgħallmu n-nies kif isajru l-ħut.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd Clint Camilleri fakkar li matul is-sena ntlaħaq ftehim biex is-sajjieda ta’ bastimenti ta’ taħt it-12-il metru setgħu jaqbdu ftit aktar minn 26 tunnellata ta’ tonn bil-proċeduri tal-by catch.
Is-Segretarju Parlamentari Parlamentari Silvio Parnis qal li l-Gvern irid jgħin lill-Kunsilli Lokali f’attivtajiet bħal dawn li jgħaqqdu lin-nies tal-lokal u jippromwovu t-tradizzjonijiet Maltin.