Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera ħabbar li għal sena oħra, nhar is-Sibt 24 ta’ Marzu 2018, Malta se tingħaqad mal-kumplament tad-dinja biex tiċċelebra Earth Hour bit-tema magħżula għal din is-sena tkun Let Nature Shine.
Il-Ministru Herrera qal li din is-siegħa twassal biex ilkoll nieqfu nirriflettu u napprezzaw kemm tabilħaqq hu importanti li nagħmlu l-almu tagħna biex nippreservaw l-ambjent, filwaqt li spjega li tħejjew diversi attivitajiet matul il-ġurnata tas-Sibt biex tiġi ċċelebrata Earth Hour.
Bejn it-20:30 u d-21:30 binjiet prominenti f’pajjiżna inklużi l-Berġa ta’ Kastilja, il-Parlament ta’ Malta, il-Funtana tat-Tritoni kif ukoll siti storiċi u binjiet tal-Gvern se jintfew.
Il-Ministru rringrazzja lil diversi entitajiet fosthom NATURE TRUST, HSBC, Bank of Valletta u APS Bank u l-Kunsill Lokali tal-Belt tal-għajnuna u tas-support li offrew għal din l-attività.
Matul il-jum tas-Sibt se jkun hemm diversi attivitajiet. Filgħodu fi Pjazza Tritoni se jkun hemm stands ta’ informazzjoni minn Wasteserv, Direttorat tal-Parks, Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.
Fis-18:00 mal-faċċata tal-Parlament se jintwera l-film Planet Earth: The Future. Bejn is-18:00 u t-20:00 id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti se jħejji attivitajiet għat-tfal fosthom mikroskopju biex jaraw diversi insetti kif ukoll kompetizzjoni tat-tpinġija fejn ir-rebbieħa se jingħataw pjanti. Bejn it-20:30 u d-21:30 quddiem il-Parlament se jinxtegħlu x-xemgħat bil-logo ta’ Earth Hour kif ukoll se jkun hemm Earth Dance minn Dancel Dancers, The Moving Doh’s Band u Fire Performance minn After Glow Events.
Uħud mill-binjiet li se jintfew bejn it-20:30 u d-21:30 biex ifakkru Earth Hour huma l-Berġa ta’ Kastilja, il-binja tal-Parlament, il-Funtana tat-Tritoni, iċ-Ċittadella, il-Forti Sant’Anġlu, il-Forti Sant’ Iermu, il-Qorti kif ukoll diversi binjiet ta’ ministeri u ta’ entitajiet governattivi.