Is-sbuħija u l-istorja sinjura tal-gżejjer Maltin ġibdu l-għajn ta’ mijiet ta’ turisti, hekk kif kollox jindika li fix-xhur li ġejjin Malta mistennija tara influss ta’ nies ġejjin minn bosta pajjiżi differenti.
Żvela dan, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg, fejn ma’ ONE News qal kif ix-xhur sajfin ta’ Lulju u Awwissu se jkunu l-aħjar.
“Il-feedback li qed ikollna huwa li Lulju u Awwissu jidher li se jkun tajjeb ħafna. Mill-bookings li qed ikollna speċjalment mill-Olanda, Danimarka u l-Ġermanja qed ikun u b’saħħithom ħafna.”
Johann Buttigieg qal li s-Sibt li ġej fl-Ajruport Internazzjoni ta’ Malta se jinżlu tliet ajruplani mimlija turisti mid-Danimarka.
“Bħala titjiriet kien hemm żieda u għandna wkoll minn ċertu pajjiżi li semmejtlek attwalment se jkomplu jżidu anke aktar minn dak li kienu qed ibassru u li nista’ ngħidlek huwa li s-Sibt li ġej huwa mistenni li jiġu 3 ajruplani f’daqqa mid-Danimarka.”
Il-ħidma sfieqa tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tikkumplimenta l-istrateġija tal-Gvern, fejn kull ma jmur qed iservi ta’ spalla għal dan is-settur kruċjali biex wara pandemija jerġa’ jqum fuq saqajh.
Fl-ewwel ta’ Ġunju Malta mistennija tiftaħ għat-turisti b’mod sigur, filwaqt li tkun qed tħares ‘il quddiem biex tneħħi aktar restrizzjonijiet b’rabta mal-imxija.