Nhar is-Sibt 9 ta’ Lulju, fil-bajja tar-Rinella, se ssir ir-Regatta għaż-Żgħażagħ. Regatta li se tkun qed tirritorna wara l-waqfa ta’ aktar minn sentejn minħabba l-pandemija. Kuntrarju għas-soltu, l-edizzjoni ta’ din is-sena se tkun miftuħa għall-qaddiefa b’eta’ taħt l-għoxrin sena u mhux taħt it-tmintax-il sena. Ir-raġuni hi sabiex tagħti ċans lil dawk il-qadiefa li laħqu għalqu it-tmintax -il sena f’dawn l-aħħar sentejn u li ma kellhomx ċans li jikkompetu minħabba l-waqfa għall-pandemija.
F’din ir-regatta se jieħdu sehem Bormla, Isla, Birgu, Kalkara, Marsa u Marsamxett. Il-klabb ta’ Siġġiewi se jieħu sehem f’żewġ tiġrijiet.
Ir-Regatta U21 se jkollha ħames tiġrijiet: Tal-Pass b’erba’ imqadef (Tal-Midalji b’20 punt), Frejgatini, Tal-Pass b’żewġ imqadef, Kajjikki u Tal-Pass b’erba’ mqadef (b’24 punt).
Apparti l-ħames tiġrijiet tal-qaddiefa żgħażagħ se jsiru wkoll żewġ tigrijiet oħra separati. Dawn huma t-tiġrija tal-Balklori b’qaddief wieħed u t-tiġrija għall-qaddiefa tfajliet U20 (Frejgatini).
Ir-Regatta U20 se tkun qed tiġi organiżżata mill-Għaqda Regatta Nazzjonali, SportMalta u l-klabbs tar-Regatta lokali.
L-ewwel tiġrija se tibda fit-3.30 ta’ wara nofs-in nhar.