Nhar is-sibt 13 ta’ Lulju se ssir edizzjoni oħra tar-Regatta U18. Għal sena oħra din ir-Regatta se tiġi organizzata fil-bajja tar-Rinella l-Kalkara u tibda fis-14:00.
B’kollox se jsiru seba’ tiġrijiet: ħamsa għall-Aggregate Shield U18 , tiġrija tal-Balkora u tiġrija tan_nisa.
Fil-Kategorija għax-Shield U18 it-tiġrijiet se jkunu: Ta’ b’Erbgħa (Tal-Midalji), Frejgatini, Ta’ bi Tnejn, Kajjiki u Ta’ b’Erbgħa.
L-ewwel tiġrija fil-programm tkun dik tal-Balkora, b’qaddief wieħed, fejn min jirbaħ iċ-Challenge Cup.
Fit-tiġrija tan-Nisa wkoll se tkun qed tintrebaħ iċ-Challenge Cup li tinżam għal sena mill-klabb rebbieħ.
Fil-każ tat-tiġrijiet tal-Balkora u tan-Nisa il-punti ma jgħoddux għax-shield U18.
Id-distretti parteċipanti huma Bormla, Isla, Birgu u Kalkara filwaqt li klabbs oħra se jieħdu sehem f’xi tiġrijiet.
Il-poloz se jittellgħu nhar il-Ħamis 11 ta’ Lulju fis 6:30 ta’ filgħaxija fil-klabb tal-Kalkara.