Aktar minn ħamest elef u mitt anzjan se jirċievu kontribuzzjoni diretta ta’ mitt ewro minflok il-vouchers tal-Gvern nhar is-Sibt li ġej. L-investiment għal dan qabeż in-nofs miljun ewro.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri, flimkien mal-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali Michael Falzon u l-Ministru għall-Anzjanità Attiva Michael Farrugia.
Hawn ġie spjegat kif dan qed isir wara konsultazzjoni wiesgħa dwar l-iskema tal-vouchers.
Il-Ministru Schembri stqarr: “Dawk l-anzjani li jgħixu fid-djar tal-anzjani u allura jkollhom problemi ta’ mobbiltà jew xi raġuni oħra ma setgħux jużaw il-vouchers, ridna naraw li jibbenefikaw ukoll mill-għotja ta’ mitt ewro. Nhar is-Sibt se jirċievu mitt ewro fil-kont bankarju tagħhom biex huma wkoll jibbenefikaw.”
Schembri spjega wkoll li sal-Ħamis, intefqu tliet miljun ewro bl-iskema tal-vouchers, u tqassmu l-vouchers lil aktar minn mija u erbgħin elf persuna f’Malta u Għawdex.
Il-Ministru Michael Falzon stqarr li dan huwa eżerċizzju ieħor li jikkonferma r-ruħ soċjali ta’ dan il-Gvern: “Deherilna u nħass il-bżonn li nibqgħu ntejbu. Dawk il-persuni residenzjali, fejn jidħol il-Gvern, jiġifieri ‘l fuq minn ħamest elef u mitt persuna, ikollhom l-għotja fil-bank jew b’ċekk. Din mhux biss ġustizzja soċjali imma rajna wkoll li ntejbu.”
Il-Ministru Michael Farrugia qal li b’riżultat tad-deċiżjonijiet li ttieħdu matul il-pandemija illum qed nersqu dejjem eqreb lejn in-normalità.
Huwa sostna: “Dan hu Gvern li jisma’. Allura qed inwettqu dak li attwalment hu x-xewqa tal-anzjani stess, biex il-vouchers ikunu mibdula f’ċekk li jista’ jidħlilhom mal-pensjoni fil-kont bankarju, umbagħad sta għalihom kif jutilizzawhom.”
Intqal ukoll li 96% tal-ħaddiema u iktar minn 99% tal-anzjani residenti f’San Vinċenz huma mlaqqmin. Fid-djar tal-anzjani l-oħra tlaqqmu kważi 98% tal-anzjani u kważi 94% tal-ħaddiema.