Nhar il-Ħamis, l-erbgħa u għoxrin ta’ Marzu ser ikun qed jinżel is-siparju fuq il-kampanja elettorali Malta Flimkien.
Fl-MFCC f’Ta’ Qali, il-Partit Laburista se jkun qed jimmarka t-tmiem ta’ din il-kampanja qabel l-elezzjoni ġenerali ta’ nhar is-Sibt sitta u għoxrin ta’ Marzu.
Is-Segretarju Organizzativ tal-Partit Laburista William Lewis spjega li wara s-suċċess tar-rally Team Malta tal-Ħadd, il-Partit Laburista ser ikun qed ikabbar l-orizzonti tiegħu għall-aħħar rally ta’ din il-kampanja organizzat ukoll b’responsabilità.
Qal, “Nhar il-Ħamis ħa nkunu anki nkabbru, billi ħa nkunu qed narmaw big screen barra fil-parkeġġ tal-MFCC biex inkunu nistgħu nilqgħu aktar nies magħna.”
L-ispettaklu tal-Ħadd li għadda li paxxa lil kull min kien preżenti għal dan ir-rally, li ma kienx wieħed iżolat. Anzi, kien biss l-ewwel parti.
Qal, “Nhar il-Ħamis ħa nkunu qed naraw it-tieni parti iġifieri l-ispettaklu se jkun kompletament differenti milli rajna l-Ħadd li għadda u ovvjament l-iktar ħaġa importanti tkun id-diskors importanti tal-Prim Ministru Robert Abela li jkun qed jagħlaq din il-kampanja elettorali, Malta Flimkien.”
Din ir-rally ser jibda għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħaxija u wieħed jista’ jirriserva postu minn fuq is-sit www.partitlaburista.org jew iċempel fuq in-numru tnejn żero disgħa żero, wieħed sebgħa ħamsa wieħed.