Nhar il-Ħamis li ġej, se ssir it-tieni edizzjoni tal-Konferenza dwar l-Istat tan-Nazzjon, li se jsir mill-Uffiċċju tal-President.
Waqt din il-konferenza mistenni joħroġ rapport dwar il-qagħda tal-Maltin, li sar mill-istatistiku, Dr Vincent Marmara.
Dan hekk kif sar stħarriġ fost iżjed minn elf persuna, li l-għan tiegħu huwa li joħroġ il-ħsieb tal-Maltin u minn xiex jiġi influwenzat aktar.
Marmara qal, “Infatti biex nifhmu dan aħjar fl-fond, ser nidħlu fuq diversi temi differenti, kemm fuq politika, ambjent, l-importanza tal-familja wkoll, li nafu anki ħareġ fl-istudju tal-2021, kemm il-familja għandha sehem importanti, anke meta nieħdu ċertu deċiżjonijiet.”
Hawnhekk Dr Vincent Marmara qal kif f’dan l-istudju se jkun hemm bidla meta mqabbel ma’ dan ta’ sena ilu, minħabba x-xenarji li sar fihom dan l-istħarriġ.
Spjega kif dak ta’ sena ilu ttieħed waqt il-qilla tar-restrizzjonijiet tal-pandemija u fis-sena ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali. Dan filwaqt li l-istħarriġ ta’ din is-sena sar wara li għaddiet l-elezzjoni ġenerali, it-tneħħija tar-restrizzjonijiet tal-pandemija, iżda waqt żminijiet ta’ sfidi internazzjonali, minħabba l-gwerra fl-Ukrajna.
Qal, “In-nies meta nsaqsuhom dwar diversi temi, dwar diversi issues li qed jinkwetahom, in-nies ħa jiffukaw fuq l-issues tal-kurrent. Minħabba ovvjament id-diskussjoni u anki l-issue tal-inflazzjoni, m’hemmx dubju li dik tħalli impatt fuq ir-riżultati wkoll.”
Tkellimna wkoll mal-President ta’ Malta, George Vella, fejn qal kif din il-konferenza se jkollha diskussjoni mitfuħa, minn diversi kelliema.
Il-President stqarr, “Din id-darba se tkun interessanti għar-raġuni, li issa mhux bdejt mix-xejn u issa għandek ma’ xiex tqabbel. Issa ħa jkollna l-findings, dak li sibna bis-survey din id-darba, ħa jitqabblu mal-bixriet li ħarġu mis-survey tas-sena tas-sena l-oħra. Tgħidli għaliex interessanti, interessanti fis-sens li ma ninsewx li konna għaddejjin minn żmien mhux normali minħabba l-Covid u dak m’għadniex dubju li ħa jirrifletti bixriet u fl-opinjonijiet li tkellmu fuqhom ħafna min-nies.”