F’Ħal Tarxien, nhar il-Ħadd waranofsinhar se tkun qed tittella’ t-tielet edizzjoni ta’ ‘Festa Ħelu’ fi Triq Santa Marija u t-toroq tal-madwar. L-attività qed issir mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien u mistennija tara l-parteċipazzjoni ta’ numru sabiħ ta’ dulċiera li lkoll se jaqsmu ħelu differenti f’madwar erbgħin stand differenti, kif spjegalna s-Sindku stess, Joseph Abela Galea.
Qal, “Fiha kull min ġej se jsib kull kwalità ta’ ħelu – ħelu tradizzjonali, ħelu relatat mal-Milied, tiżjin tal-Milied kif ukoll spettaklu fuq żewġ palkijiet li ħa jkunu armati apposta. Għandna palk minnhom mill-erbgħa sas-sebgħa u nofs b’talent lokali, u għandna ieħor b’talent lokali però mis-sebgħa u nofs sad-disgħa u nofs, għandna l-Band Versatile b’line up kbir ta’ kantanti popolari li se jagħtu spettaklu kbir lil kull min se jkun preżenti.”
Minbarra hekk se jkun hemm ukoll esebizzjoni tal-karozzi, fost attivitajiet oħrajn li se jkunu parti minn din l-edizzjoni ta’ ‘Festa Ħelu’ li tittella’ xahar qabel il-Milied.
Madankollu din l-attività ġiet posposta mis-Sibt 25 għall-Ħadd 26 ta’ Novembru minħabba r-riħ qawwi li hu previst li se jolqot lill-gżejjer Maltin.
Abela Grech appella lil kull min għadu mhux ċert kif se jkun qiegħed iqatta’ l-lejla tal-Ħadd biex iżur din l-attività.
Stqarr, “Nistiednu lil kulħadd anzi biex jingħaqad magħna t-Tarxiniżi fir-raħal pittoresk tagħna ta’ Ħal Tarxien biex niċċelebraw flimkien ‘Festa Ħelu’, festa għall-familja kollha.”
Id-dħul għal ‘Festa Ħelu’ hu b’xejn.