Nhar il-Ħadd pajjiżna se jirċievi ammont ta’ dożi tal-vaċċin għall-Covid-19 mill-kumpanija AstraZeneca.
Qal dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fil-ħin tal-mistoqsijiet mal-ġurnalisti.
Fearne spjega li b’dan l-iżvilupp l-programm ta’ tilqim ta’ Malta se jimxi b’ġimagħtejn bil-quddiem hekk mill-ġimgħa d-dieħla se tibda titqassam l-ittra lil kull persuna vulnerabbli ta’ kull eta, biex għal nofs Marzu jibdew jitlaqqmu.
Nhar il-Ġimgħa li għadda, l-Aġenzija tal-Mediċini Ewropea rrakkomandat li l-vaċċin tal-AstraZeneca jiġi approvat.
Wara battibekki bejn il-kumpanija u l-Kummissjoni Ewropea, sar qbil li jfisser li sa Marzu li ġej, l-AstraZeneca tipprovdi disa’ miljun doża aktar lill-istati membri.
Dan wara problemi inizjali fil-laboratorji tal-kumpanija fejn issir il-produzzjoni tal-vaċċin.