Kollox jinsab lest biex nhar il-Ħadd, fl-għaxra u nofs ta’ filgħodu, se tiġi organizzata attività politika li se jindirizzaha l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela.
L-attività se ssir fiċ-Ċentru Laburista fiż-Żejtun.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Randolph De Battista, ħeġġeġ lill-pubbliku – u b’mod partikolari liż-Żwieten kollha – biex jattendi għal din l-attività u jipparteċipa.
Huwa qal, “Qed nistiednu lil kulħadd biex nhar il-Ħadd li ġej jingħaqad magħna fiż-Żejtun biex jagħti l-appoġġ tiegħu lill-Prim Ministru Robert Abela. Rajna fl-aħħar jiem anke fil-Parlament kemm dan il-gvern qed imexxi b’mod sod, kontra l-mod ta’ kif qed jipprova jwaqqaf l-andament li għaddej minnu dal-pajjiż, in-naħa tal-Oppożizzjoni. Nhar il-Ħadd, ejja nagħtu l-appoġġ tagħna lil Robert Abela biex ikompli jmexxi lil pajjiżna ‘l quddiem. Fiż-Żejtun, ilna biex immorru ukoll maż-Żwieten, u allura qed nistennew li nhar il-Ħadd li ġej ikun hemm merħba mill-isbaħ lill-Prim Ministru Robert Abela.”