Hemm stennija kbira għall-Fiera l-Kbira ta’ San Martin f’Ħal Tarxien din is-sena. Dan wara s-suċċess kbir li l-Fiera ta’ San Martin reġgħet kisbet f’Ħal Tarxien bir-ritorn tagħha tliet snin ilu. Dan wara nuqqas ta’ madwar 75 sena wara t-Tieni Gwerra Dinjija. L-istennija hija ferm akbar din is-sena wara t-temp ikrah li sfortunatment ħassar l-edizzjoni tassena l-oħra. Il-Fiera ser terġa’ ssir bħal f’dahri fil-bandli ta’ Ħal Tarxien u t-toroq tal-madwar. Din is-sena tħejja programm mimli daqs bajda għall-familja kollha bi spazju ferm akbar għall-artiġġjanat u s-snajja’ b’bosta stands ta’ artiġġjana Maltin. Fost dawn artiġġjani tal-bizzilla, arti fuq l-injam, pittura, xogħol tal-fidda, ħjata, rigali u ornamenti għad-dar magħmula bil-ganċ, xemgħat u fwejjaħ. Magħhom ukoll inbejjed, żjut, ħaxix u frott frisk, ħwawar, qsari u pjanti, kif ukoll razez differenti ta’ fniek bis-sehem tar-Rabbitry Fancy Breeder. U San Martin ma jkunx hu mingħajr il-logħob tradizzjonali tal-fiera u tombla bi prejjem mill-isbaħ.
Matul il-Fiera l-Kbira ta’ San Martin ser jittella’ programm varjat ta’ divertiment għall-familja kollha, b’mużika u kant, żfin, show ta’ maġija minn Daniel Raven, illużjonista popolari f’Malta, ħafna logħob għat-tfal u show pjaċevoli iżda edukattiv minn Fonzu l-Fenek.
Jieħdu sehem ukoll fost l-oħrajn id-duo popolari Malti The Greenfields flimkien ma’ artisti stabbiliti u talent ġdid, daqq tal-kitarri prejjem immexxija mill-prim kitarrist Johnny Saliba ta’ Birżebbuga, bosta skejjel u gruppi taż-żfin fosthom Lookstar Dancers, Dancing Feet Studio u The Dancing Angels. Intant, formazzjoni tal-Banda Marija Annunzjata ser tferraħ l-atmosfera permezz ta’ bosta marċi popolari. Bosta klabbs ta’ dilettanti tal-vetturi ser jesebixxu l-karozzi tagħhom fosthom b’wirjiet ta’ vetturi klassiċi, vetturi tal-gwerra, u oħrajn Amerikani, bis-sehem ta’ Classic Ford Club Malta, Malta Mini Owners Club u Rolls Royce & Bentley Club Malta.
L-ikel tradizzjonali ma jonqosx. Fis-1.00 ta’ warafosinhar ser jisserva l-majjal mimili bil-patata l-forn għall-ikla ta’ San Martin. Se ssir ukoll l-imbuljuta tradizzjonali skont riċetta antika miksuba mill-anzjani Tarxiniżi. Mal-imbuljuta ma jonqosx lanqas bosta ikel u ħelu ieħor tradizzjonali Malti fosthom imqaret tat-tamal, u magħhom xi belgħa kafè sħuna blaniżetta, te jew ċumnata tradizzjonali – mulled wine b’laqta Maltija ta’ żmien l-Ingliżi. Il-kċina ta’ San Martin ser taħseb ukoll għal ikel ieħor fosthom imqarrun il-forn u ikel tat-tfal, burgers u nuggets. Ma tonqosx ukoll il-boroż ta’ San Martin.
Ladarba il-Milied jinsab ftit ġimgħat ’il bogħod ser ikun hemm ukoll stands b’tiżjin tal-Milied għall-bejgħ, ġugarelli, kejkijiet u pastini tal-festi u ħafna affarijiet oħrajn.
Il-Fiera l-Kbira ta’ San Martin hija pet-friendly, waqt li ser ikun hemm ukoll stands ta’ informazzjoni minn Wasteserv u d-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa.
Il-Fiera l-Kbira ta’ San Martin qed tittellgħa mill-Għaqda Mużikali Marija Annunzjata ta’ Ħal Tarxien bilkollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien. Id-dħul huwa b’xejn. Għal aktar informazzjoni kif ukoll biex tirriserva l-ikla tiegħek ċempel lill-organizzaturi fuq 99165199 jew 99852531.