Fid-dawl li, nhar il-Ħadd li ġej, il-Partit Laburista se jkun qed itella’ attività oħra politika, din id-darba fil-Mosta, dan l-istazzjon ħa r-reazzjoni tas-Sindku tal-Lokal, Chris Grech.
Waqt li semma l-istennija għaż-żjara tal-Prim Ministru Robert Abela għal din l-attività fil-lokal, Grech tkellem dwar il-prijoritajiet b’saħħithom tal-Gvern Laburista fejn jidħlu proġetti soċjali, li wkoll qed jagħmlu differenza kbira fil-ħajja taċ-ċittadini kollha Maltin u Għawdxin.
“Taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela, Malta żammet pożizzjoni b’saħħitha dwar il-politika soċjali u lokali. Fejn rajna investiment fil-lokalitajiet kollha, b’mod speċjali u naċċenna investiment li sar massiċċ fil-lokal tal-Mosta fejn jiena bħala sindikat, jien u sħabi, tant kburin b’dan ix-xogħol infrastrutturali li sar.”
Grech irrefera għan-numru ta’ proġetti li ttellgħu f’dawn l-aħħar snin, ewlenin fosthom il-proġett multi-miljunarju li ra r-riġenerazzjoni tal-pjazza tal-Mosta.
Is-Sindku nnota kif dan il-proġett, bħal oħrajn li saru fil-Mosta, raw kollaborazzjoni sħiħa bejn il-Gvern ċentrali u l-Kunsill Lokali, biex issa il-pjazza tinsab kważi lesta bit-traffiku li issa qed jgħaddi b’mod normali.
Hu spjega wkoll kif fadal l-aħħar irtokki, bħal xogħol ta’ landscaping u dawl, biex il-pjazza terġa’ tgħaddi lura għand ir-residenti Mostin u dawk kollha li jiffrekwentawha.
Fid-dawl ta’ dawn kollu, is-Sindku tal-Mosta għamel appell biex, il-Ħadd li ġej, il-poplu jattendi bi ħġaru għall-attività politika tal-Partit Laburista.
“Jiena nappella lill-poplu Malti, speċjalment lir-residenti Mostin, biex nhar il-Ħadd nilqgħu bi ħġarna lill-Prim Ministru, Dr Robert Abela, fil-Mosta. Hawnhekk nhar il-Ħadd fiċ-Ċentru Ċiviku fl-għaxra u nofs.”