Fil-bidu ta’ sena ġdida, il-Partit Laburista qed ikompli jistinka u jħejji proġetti u avvenimenti li jservu ta’ benefiċċju biex issir bidla pożittiva f’pajjiżna.
Dwar dan, id-Deputat Mexxej għall-Affarjiet tal-Partit Laburista, Daniel Micallef, qal kif fost l-avvenimenti mistennija, nhar il-Ħadd li ġej, il-pubbliku hu mħeġġeġ biex jattendi għad-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, fil-Grand Hotel, fl-Imġarr, Għawdex.
“Proprju bdejna din il-bidu ta’ din is-sena l-ġdida b’ċerta rankatura, anke wieħed jista’ josserva l-kummenti u l-indirizzi tal-Prim Ministru wara l-merħbiet li kellna proprju kemm fl-Orpheum, kif ukoll fil-Fgura l-Ħadd li għadda, il-Ħadd li ġej il-Partit Laburista se jkun qiegħed fil-gżira Għawdija proprju għall-ewwel darba proprju matul din is-sena. Għalhekk nappella lill-Għawdxin kollha biex jingħaqdu proprju fil-Grand Hotel, l-Imġarr, nhar il-Ħadd li ġej fl-10:30 biex insegwu l-intervent, id-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela.”
Id-Deputat Mexxej Laburista wkoll qal kif il-qofol tal-kampanja tas-sħubija fil-Partit Laburista, bl-isem ta’ RENEW, li għadha kemm tnediet, se jintlaħaq nhar il-Ħadd, 28 ta’ Jannar, fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista permezz ta’ open day bejn l-10:00 u s-14:00.
Hemmhekk il-pubbliku se jkollu l-opportunità li jsegwi esebizzjoni storika unika li tittratta kapitlu ġdid fl-istorja tal-Partit Laburista. Dawk li jattendu se jingħataw ukoll tifkira tal-okkażjoni.
Matul din l-open day se tinħareġ sejħa għall-voluntieri, li jixtiequ jinvolvu ruħhom fl-istrutturi tal-Partit Laburista, u kull min jattendi se jingħata l-opportunità li jidħol fl-uffiċini, fosthom dak tal-Mexxej Laburista nnifsu.
“Iva proprju kif ħabbarna wkoll fil-ġranet li għaddew għaddejjin issa bil-kampanja RENEW relatata mas-sħubija fil-Partit Laburista. Se jkollna wkoll attività ta’ open day hawnhekk fiċ-Ċentru Nazzjonali li magħna se jkun hemm combined esebizzjoni dwar kapitlu ġdid fl-istorja tal-Partit Laburista.”
Micallef stqarr li d-dettalji għal din l-open day se jkunu qed jitħabbru aktar ’il quddiem, filwaqt li sostna li l-esebizzjoni se tkun waħda mill-isbaħ għal dawk kollha li jsegwuha, b’kontenut esklussiv u li se jiġi esebit għall-ewwel darba.
Hu temm iħeġġeġ lill-Maltin u lill-Għawdxin biex proprju l-Ħadd, 28 ta’ Jannar, jingħaqdu lkoll fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun.