Bħalissa għaddejjin it-tħejjijiet biex nhar il-Ħadd li ġej, 21 ta’ April, tiftaħ il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, taħt it-tinda quddiem iċ-Ċentru Laburista fil-pjazza ewlenija taż-Żejtun.
Din il-konferenza se tkun mifruxa fuq ġimgħa, b’attivitajiet li jilħqu l-qofol tagħhom b’żewġ sessjonijiet plenarji, imbagħad bl-għeluq tagħha l-Ħadd, 28 ta’ April, fejn se tkun indirizzata mill-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela.
Dwar dan tkellimna aktar mal-President tal-Partit Laburista, Dr Ramona Attard, li spjegat li l-għan ewlieni ta’ dawn l-attivitajiet hu biex il-komunitajiet jaraw kemm il-Partit Laburista qiegħed hemm biex iħeġġeġ u jixpruna ideat u proposti ġodda li jġeddu u jfasslu l-futur ta’ pajjiżna.
Xhieda ta’ dawn huma l-workshops li qed jiġu organizzati mill-Partit Laburista stess b’temi differenti li jolqtu aspetti varji mis-soċjetà tagħna.
“Dawn qed ikunu attivitajiet li, għal darb’oħra, se nuru kemm il-Partit Laburista hu miftuħ biex jikkonsulta ma’ kulħadd, lest biex jixpruna l-politika tiegħu bbażata fuq il-konsultazzjoni man-nies, kif proprju qed naraw f’diversi events li kien hemm fosthom mad-dilettanti tal-festi, l-isportivi u kif ukoll persuni varji minn komunitajiet differenti.”
Fil-fatt Dr Attard kompiet tisħaq li dawn il-workshops se jkomplu jsiru matul il-ġimgħa li ġejja anke fil-gżira t’Għawdex flimkien maż-żgħażagħ.
Il-President tal-Partit Laburista aċċennat li l-appuntamenti din il-ġimgħa huma biss pass eqreb għall-ġurnata tant memorabbli ta’ Jum il-Ħaddiem nhar l-Ewwel ta’ Mejju fejn kulħadd hu mistieden jingħaqad mal-Partit Laburista fil-Belt kapitali tagħna.
“Għalhekk l-appuntamenti issa nhar il-Ħadd li ġej titnieda l-Konferenza Ġenerali miż-Żejtun, mill-pjazza taż-Żejtun. Il-Ħadd ta’ wara, imbagħad, tagħlaq il-Konferenza Ġenerali fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista biex, imbagħad, l-appuntament il-kbir, nistgħu ngħidu, kulħadd għall-Belt Valletta fl-Ewwel ta’ Mejju li ġej fejn hemm ħa nilħqu l-qofol tal-attiviżmu politiku u se tkun ġurnata memorabbli.”