Nhar il-Ħadd il-Partit Laburista qed jagħmel stedina lill-poplu Malti u Għawdxi għal festa ta’ għaqda. Dan f’maratona ġbir ta’ fondi li fost l-oħrajn ser issir b’ġurnata mżewqa ta’ spettaklu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Dan l-ispettaklu ser ikun jista’ jitgawda kemm minn dawk preżenti iżda wkoll b’mod televiżiv fuq l-istazzjon ONE.
Tul il-ġurnata ser ikunu mxandra wkoll bosta filmati tal-Membri Parlamentari Laburisti, li flimkien ħadu sehem f’logħob sportiv.
Għal dawk li ser jattendu fiżikament fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, barra ċ-ċentru ser jinbidel f’villaġġ tal-Milied li żgur ser ikun qed idaħħal lil dawk kollha li jattendu, fl-ispirtu festiv.
L-appell jibqa’ wieħed, dak li flimkien ngħinu lill-Partit Laburista biex insostnu l-ħidma għal aktar investiment fin-nies.
Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela stqarr: “Għalhekk nemmen li n-nies għandhom jgħinu lill-Partit Laburista, biex inkunu nistgħu nibqgħu naħdmu f’din il-ħidma ta’ aktar investiment fin-nies għax fuq kollox il-Partit Laburista m’għandix dubju li huwa dak il-partit li dejjem ġab l-interessi ta’ pajjiżna l-ewwel u qabel kollox, kemm lokalment u aktar u aktar fil-fora nazzjonali.”