Wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija, nhar il-Ġimgħa li ġej se tibda t-12-il edizzjoni tal-Maratona tal-Volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza.
F’konferenza tal-aħbarjiet fl-istess dar, ingħataw id-dettalji dwar il-maratona, li se ssir fid-Dar tal-Providenza bejn l-1 u t-3 ta’ Lulju u li se tiġi inawgurata mill-President ta’ Malta, George Vella.
Erbgħin persuna se jkunu mqassmin f’ħames timijiet, li se jilgħabu għal tlieta u ħamsin siegħa. Apparti minn hekk, se jiġi organizzat spettaklu mużikali kull filgħaxija.
Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Dun Martin Micallef, innota li, minħabba l-pandemija, l-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi organizzati mid-Dar kienu kważi waqfu għal kollox.
Minkejja dan, Dun Martin innota li issa d-Dar reġgħet lura għan-normalità, u l-maratona tal-volleyball se timmarka l-ftuħ ta’ dawn l-attivitajiet tant bżonnjużi għal din id-Dar.
“Dawn l-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi, bħal m’hija l-maratona tal-volleyball, jgħinuna biex inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti tagħna u noffru servizzi residenzjali, u għalhekk il-poplu Malti li se jkun qed jgħin biex dawn il-persuni jkollhom l-ogħla servizz possibbli.”
Dun Martin ħabbar ukoll li, fiż-żmien li ġej, se jiġu rinnovati erba’ appartamenti f’Villa Papa Giovanni fis-Siġġiewi.
Iċ-Chairman tal-kumitat tal-Maratona tal-Volleyball, Emmanuel Zammit, spjega li apparti dawk li se jilgħabu, hemm ukoll mitejn volontier wara dan l-avveniment.
Huwa appella lill-pubbliku sabiex jagħtu d-donazzjonijiet għad-Dar.
“Jien nappella issa lill-poplu Malti biex, għal darb’oħra jerġa’ jkun ta’ sostenn lil din id-Dar tal-Providenza, li tul dawn is-snin kollha, dejjem kienet ta’ għajnuna għal dawn ir-residenti biex jgħixu ħajja normali u toffrilhom l-aħjar servizz, u biex isir dan hemm bżonn il-fondi. ”
Id-donazzjonijiet jistgħu jsiru fuq il-post, jew billi wieħed iżur is-sit elettroniku sabihlitaghti.org għal aktar dettalji dwar kif jista’ jagħmel id-donazzjonijiet.