Il-kaċċa tal-ħarifa, dik tal-għasafar minn fuq l-art ser tkun permessa bejn l-1 ta’ Settembru u l-31 ta’ Jannar, iż-żewġ dati inklużi, minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa sagħtejn wara nżul ix-xemx mit-Tnejn sas-Sibt, u minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sas-13:00 fil-Ħdud u l-Festi. Madankollu l-kaċċa tal-għasafar minn fuq l-art bejn il-15 ta’ Settembru u s-7 ta’ Ottubru (iż-żewġ dati inklużi) mhix permessa mit-Tnejn sas-Sibt mis-7 pm sa sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx tal-ġurnata ta’ wara.
Dan tħabbar permezz ta’ stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali fejn intqal li l-istess restrizzjonijiet fil-ħinijiet japplikaw ukoll għall-kaċċa tal-fenek selvaġġ, li hija permessa sal-31 ta’ Diċembru.
Il-kaċċa tal-għasafar minn fuq il-baħar ser tkun permessa mill-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Jannar matul l-istess ħinijiet bħal dawk applikabbli għall-kaċċa minn fuq l-art, iżda mill-1 ta’ Ottubru sas-7 ta’ Ottubru il-kaċċa fuq il-baħar mhix permessa mit-Tnejn sas-Sibt mis-7 pm sa sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx tal-ġurnata ta’ wara.
Il-kaċċaturi jistgħu biss jikkaċċjaw għall-ispeċi li għalihom huma liċenzjati skont il-kategorija tal-liċenzja tagħhom.
Skont L-Avviż Legali 69 ta’ 2016 u skont l-istruzzjonijiet li hemm fil- ktejjeb informattiv mqassam flimkien mal-liċenzji tal-kaċċa, il-kaċċaturi liċenzjati huma obbligati jirrappurtaw l-għasafar maqbuda permezz ta’ sistema tat-telephone qabel ma jitilqu miż-żona li fiha ikunu qed jikkaċċjaw.
Minħabba li l-klassifikazzjoni tal-istatus legali tas-Serra (Mergus serrator) inbidel fl-2016, il-kaċċa ta’ din l-ispeċi m’għadhiex permessa. Barra minn hekk, skont l-Avviż Legali 77 tal- 2016, il-kaċċa għall-Gamiema (Streptopelia turtur) għandha tkun permessa biss mill-1 sat-30 ta’ Settembru, bi kwota nazzjonali ta’ 7,000 għasfur. Kaċċa għal gamiem barra minn dan il-perjodu mhix permessa.
It-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi innutat progress sodisfaċenti u bidla pożittiva ħafna f’dawn l-aħħar tliet snin. Madankollu huwa importanti li dan il-progress, li huwa riżultat ta’ kooperazzjoni bejn il-Gvern, il-membri tal-komunitajiet tal-kaċċa, u l-NGOs li jaħdmu għall-ħarsien tal-għasafar, jinżamm u jiġi kkonsolidat aktar fiż-żmien li ġej.
Filwaqt li jkompli jsir enfasi lill-kaċċaturi kollha u l-organizzazzjonijiet tal-kaċċa biex ma jittoleraw ebda illegalitajiet, it-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi u entitajiet li jinfurzaw il-liġi għandhom ikomplu jissorveljaw b’mod rigoruż u jinfurzaw il-konformità mar-regolamenti applikabbli permezz ta’ spezzjonijiet fuq il-post.
Filwaqt li jawgura l-istaġun it-tajjeb lill-kaċċaturi kollha, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri jappella lill-kaċċaturi sabiex josservaw il-liġijiet, biex fl-aħħar mill-aħħar jiġi salvagwardjat id-delizzju tagħhom stess.
Intant dalgħodu membri minn Birdlife Malta ppreżentaw ittra lill-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat, li fiha kitbu dwar it-tħassib tagħhom fl-isfond tal-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa tal-Ħarifa nhar il-ġimgħa.