Il-Ġimgħa li għadda nġabru 128 tunnellata ta’ ħġieġ nadif mill-ġbir bieb bieb, żieda ta’ 58% meta mqabbla mal-istess ġurnata f’Settembru li għadda, dan ħabbritu l-WasteServ fi stqarrija.
Il-WasteServ innutat ukoll żieda notevoli fil-kwalità tal-ħġieġ riċiklabbli matul il-ġbir t’Ottubru.
Il-WasteServ qalet li għal darb’oħra n-nies urew l-impenn tagħhom għas-separazzjoni tal-iskart u għall-ambjent. Hija rringrazzjat wkoll lill-GreenPak u lill-GreenMT li huma ż-żewġ skemi privati responsabbli għal dan il-ġbir tal-ħġieġ u lill-Kunsilli Lokali kollha, inkluż l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, għall-appoġġ tagħhom.
Il-WasteServ sostniet li se tkompli tintensifika kampanja edukattiva li għadha kemm bdiet ftit tal-jiem ilu biex tħeġġeġ lill-pubbliku jkompli jissepara l-ħġieġ, joħroġu għall-ġbir f’kontenituri li jistgħu jerġgħu jintużaw bħal bramel qodma, kaxxi tal-injam u tal-plastik, jew kontenituri tal-iskart bħal dawk ipprovduti mill-WasteServ.
Wieħed jista’ juża wkoll iċ-ċentri tal-iskart goff, id-diversi iBiNs u Bring-In sites disponibbli madwar Malta.