Il-Milied qiegħed joqrob ġmielu. Dawk dilettanti tal-presepji għaddejjin bl-aħħar tħejjijiet tagħhom biex jikkuntentaw mill-aħjar li jistgħu lil dawk li ta’ kull sena l-gost tagħhom iżuru l-presepji. Mhux biss. Diġa bdejna naraw, ‘l hemm u ‘l hawn, xi Father Christmas imdendel mal-gallerija. U t-toroq tal-Belt diġà nxtegħlu.
M’hemmx għalfejn ngħidu, dan iż-żmien huwa żmien li jkun mistenni ħafna min-negozjanti. Mis-sidien tal-ħwienet. Mis-sidien tar-restoranti għax huwa żmien li fih, ilkoll kemm aħna ndaħlu jdejna fil-but u nagħmlu minn kollox biex nagħtu rigali lil dawk qrib tagħna. Imma, kif jgħid il-Malti, bla flus la tgħannaq u lanqas tbus.
Għaxar snin ilu, kien sar stħarrig mill-GRTU (chamber for Small and Medium Sized Enterprises) fost is-sidien tal-ħwienet u s-sidien tar-restoranti. Il-mistoqsija li kienet saritilhom kienet kif kienu qegħdin ibassru li se jmur in-negozju tagħhom tul il-festi tal-Milied.
64% kienu qalu li kienu jaħsbu li se jmorru ħażin jew ħażin ħafna. Kienu biss 25% li kienu bassru li se jmorru tajjeb. Is-sidien intalbu wkoll jagħtu r-raġunijiet tagħhom dwar dak li kienu qegħdin ibassru. Żewġ raġunijiet ewlenin kienu inqas flus fil-but u t-tariffi tad-dawl u tal-ilma.
57% kienu qalu li n-negozju tagħhom kien sejjer ħażin jew ħażin ħafna, waqt li kienu biss 35% li qalu li n-negozju tagħhom kien sejjer tajjeb.
Mistoqsija dwar il-prospetti għas-sitt xhur li kienu ġejjin, nofs in-negozjanti kienu qalu li kienu se jkunu sitt xhur negattivi, 35% kienu qalu li se jkunu sitt xhur ta’ inċertezza, waqt li kienu 8% biss li tkellmu dwar tbassir pożittiv, u 8% oħra li kienu qalu li kienu qegħdin ibassru perjodu stabbli.
X’kien ifisser dan kollu? 12% tan-negozji kienu qalu li se jkollhom jagħlqu xi whud mill-ħwienet tagħhom, waqt li kien hemm 11% li kienu qalu li kienu qegħdin jikkonsidraw jagħlqux għal kollox. Ovvjament dan kollu kien mistenni jkollu effett fuq il-ħaddiema li kienu jahdmu f’dawn l-istabbilimenti, b’36% jgħidu li kienu qegħdin jikkonsidraw li jnaqqsu n-numru ta’ ħaddiema li kienu jħaddmu.
X’differenza llum, hux veru! Is-sidien tan-negozji, minflok jikkonsidraw li jkeċċu jew inaqqsu l-ħaddiema tagħhom, illum is-sidien qegħdin jilmentaw li m’humiex isibu ħaddiema biex ikunu jistgħu jlaħħqu max-xogħol tagħhom.
M’għandniex xi ngħidu, is-sitwazzjoni nbidlet mil-lejl għan-nhar mhux għax matul il-lejl waqgħet il-manna mis-sema. Is-sitwazzjoni nbidlet grazzi għar-Road Map li l-Partit Laburista, taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat, kien ippreżenta lill-elettorat fl-elezzjoni generali tal-2013, liema Road Map kienet aċċettata u appoġġjata mill-maġġoranza l-kbira tal-familji Maltin u Għawdxin.
Is-sitwazzjoni nbidlet għax din l-istess Road Map, f’dawn l-aħħar ħames snin ħalliet ir-riżultati mixtieqa. Ħalliet ir-riżultati ippjanati. Riżultati li kienu mixtieqa mhux biss mill-gvern, imma aktar u aktar mill-familji Maltin u Għawdxin.
Irridu niftakru l-wegħda ewlenija tal-Partit Laburista. Huwa minnu li l-wegħda ta’ roħs fit-tariffi tad-dawl u tal-ilma kienet ingħatat prijorità, imma kienet waħda minn għadd ta’ wegħdi oħra li l-Partit Laburista kien ħejja biex eventwalment iwasslu għall-wegħdi ewlenija: Jiġifieri li l-familji kollha Maltin u Għawdxin, meta jħarsu lura u jistaqsu lilhom infushom jekk illum humiex jgħixu aħjar minn ħames snin ilu, bla tlaqliq iwieġbu fl-affermattiv.
Meta llum ngħidu li qegħdin ngħixu s-suċċess, nagħmlu dan bil-fatti f’idejna.