Permezz ta’ proġett tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (l-FSWS), li beda jopera fis-sena 2020, b’kollox ġew identifikati 10 ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kienu vittma tat-traffikar tal-bnedmin u li nqabdu f’pajjiżna.
Il-vittmi kienu rġiel u nisa, ta’ etajiet bejn l-20 u l-50 sena, li bdew jgħixu f’dik magħrufa bħala ‘safe house’.
Il-proġett jismu ‘All Equal’ u kien iffinanzjat minn fondi Ewropej. Permezz tiegħu setgħu jiġu assisti bosta biex jegħlbu t-trawmi marbuta mat-traffikar uman u jiġu megħjuna sabiex jerġgħu jiksbu l-indipendenza u jintegraw.
F’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġew irrapurtati r-riżultati tal-proġett, intqal ukoll li permezz ta’ valutazzjoni tar-riskju nstab illi kien hemm 29 persuna li potenzjalment kienu vittmi ta’ traffikar uman, u dawn ngħataw appoġġ u għajnuna soċjolegali.
Intqal li l-aktar problematiku kien it-traffikar marbut max-xogħol, li b’rabta miegħu ġew reġistrati 19-il każ, filwaqt li 7 każijiet kienu marbuta ma’ sfruttament sesswali.
Dan il-proġett ipprovda wkoll tagħrif dwar it-traffikar tal-bnedmin, u ġew organizzati għadd ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ lill-frontliners biex jagħrfu s-sinjali marbuta ma’ dan il-fenomenu.
Saru wkoll għadd ta’ sessjonijiet mal-migranti biex ifittxu l-appoġġ u wkoll jitkellmu dwar sfruttament li jiffaċċjaw matul il-vjaġġ tagħhom.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, tkellem dwar l-assistenza kontinwa li tagħti l-FSWS lil vittmi tat-traffikar uman, anke permezz tad-diversi residenzi li jilqgħu persuni bħal dawn.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, qal li dan il-proġett sar b’investiment ta’ madwar €332,000 mill-Fond għall-Asżl, il-Migrazzjoni ,u l-Integrazzjoni 2014–2020. Żied jgħid li dan hu eżempju ieħor konkret ta’ kif il-fondi Ewropej qegħdin jagħmlu differenza f’ħajjet in-nies.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, enfasizzat it-theddida globali tat-traffikar tal-bnedmin, li ddeskrivietu bħala reat li jikser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u jisraq it-tgawdija tal-ħajja lil eluf ta’ nies.
Ritratt: UN