Waqt il-logħba tal-bieraħ tal-Brażil kontra s-Serbja, Neymar deher bid-dmugħ f’għajnejh, meta kien fuq il-bank, wara li kellu jinbidel lejn l-aħħar tat-tieni taqsima. Neymar li għandu 30 sena, kellu jiġi mibdul fit-80 minuta, wara li sofra impatt qawwi fuq l-għaksa l-leminija, mingħand Nikola Milenkovic. It-tabib tat-tim nazzjonali Brażiljan ordna li jiġi invistat illum.
Min-naħa tiegħu l-kowċ Tite insista li jinsabu kunfidenti li Neymar se jkompli jilgħab f’din il-kompetizzzjoni.
Fil-logħba tal-bieraħ, Neymar ġie ffawljat disa’ darbiet, jiġifieri erba’ darbiet aktar minn kull plejer ieħor li qed jieħu sehem f’din l-edizzjoni, s’issa.
Il-Brażiljani jmisshom it-tieni logħba tagħhom nhar it-Tnejn li ġej fl-16:00 kontra l-Iżvizzera.
Ritratt: Getty Images.