La Liga rrifjutat attentat mill-avukati tal-plejer tal-Barcelona, Neymar, biex iħallas il-klawsola ta’ €222m biex ikun jista’ jimxi ma’ tim ieħor.
Il-midja Spanjola sostniet li uffiċjali ta’ La Liga jemmnu li l-PSG qed jiksru r-regoli tal-UEFA FFP, fejn PSG qed jaħsbu li din il-kwistjoni se tkun qed iddewwem il-proċess.
Aktar qabel: Neymar se jkun qed jitħallas €865,000 fil-ġimgħa, dan meta l-Brażiljan se jkun qed jiffirma l-kuntratt li qed jissejjaħ bħala rekord biex jibda jilgħab ma’ Paris St-Germain minflok ma’ Barcelona.
Il-plejer ta’ fama internazzjoni li għandu 25 sena se jkun qed jitħallas madwar €45 miljun fis-sena, mingħajr it-taxxa mnaqqsa.
Hu mifhum li Barcelona qalu lill-klabb Franċiż li jridu jħallsu s-somma ta’ €222 miljun f’daqqa fejn hu mifhum li l-klabb lest li jagħmel dan.
Neymar mar għat-taħriġ l-Erbgħa filgħodu flimkien ma’ missieru u rappreżentant tiegħu, fejn qal lill-klabb Spanjol li jrid jitlaq.
Hu ngħata permess mill-maniġer tal-Barcelona Ernesto Valverde biex ma jkomplix bit-taħriġ u jara dak li jixtieq jagħmel fil-futur tiegħu.