Il-plejer Brażiljan ta’ fama mondjali Neymar ma niżilx għall-ewwel ġurnata ta’ taħriġ mal-klabb Paris St-Germain. L-ewwel ġurnata ta’ taħriġ tissinifika l-bidu tal-pre-season għall-klabb.
L-istilla ta’ 27 sena kien mistenni jattendi t-taħriġ ilbieraħ iżda dan ma kienx preżenti u diversi spekulaturi qegħdin jgħidu li jaf hemm konnessjoni mal-għajdut li Neymar ser jerġa’ jirritorna mal-Barċellona.
Paris St-Germain qalu li jiddispjaċihom ta’ li ġara imma minkejja dan ser jittieħdu passi hekk kif il-klabb ma kienx infurmat li Neymar mhux se jattendi t-taħriġ kif stipulat mill-klabb.
Id-direttur sportiv ta’ PSG, Leonardo, qal li Neymar jista’ jitlaq mill-klabb jekk ikun hemm ftehim adattat u vantaġġjuż għaż-żewġ partijiet involuti. Stqarr li l-kuntatt li kellhom s’issa mal-klabb ta’ Barċellona huwa superfiċjali.
Ikkonkluda u qal li l-klabb ta’ PSG jemmen u jafda fi plejers li jixtiequ jinvestu u jibnu l-klabb.