Permezz tat-tieni impjant tan-New Water tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, is-settur agrikolu Għawdxi se jingħata nifs ġdid bi proġett li jipproduċi ilma ta’ kwalità għolja ħafna biex fost l-oħrajn jintuża fl-agrikoltura u fl-industrija. Il-proġett ġie inawgurat mill-Ministri Joe Mizzi u Justyne Caruana u mis-Segretarji Parlamentari Aaron Farrugia u Clint Camilleri.
Il-Ministru Joe Mizzi ddeskriva dan il-pass bħala sinifikanti għas-sostenibbiltà tal-gżira Għawdxija, li seħħ wara ħidma li bdiet snin ilu biex il-Korporazzjoni rnexxielha tistabbilizza l-kwalità u l-profil tad-drenaġġ li jidħol fl-impjant ta’ Ras il-Ħobż.
Dan ifisser li d-drenaġġ trattat li kien jintrema l-baħar issa jiġi trattat permezz ta’ tliet stadji: ultra-filtration, reverse osmosis u advanced UV-oxidationbiex jinbidel f’ilma ta’ kwalità għolja biżżejjed wara li jgħaddi minn testijiet rigorużi ħafna li jagħtu s-sigurtà neċessarja lil kull min jużah.
Il-bdiewa tan-naħa ta’ fuq ta’ Malta diġà qed igawdu minn dan l-ilma permezz tal-ewwel proġett li sar fil-Mellieħa u li qed jiġi mqassam minn erba’ punti fit-Tramuntana ta’ Malta.
Il-Ministru Joe Mizzi ħabbar li fil-jiem li ġejjin se jitħabbru investimenti importanti u speċifiċi dwar in-network li jqassam dan l-ilma. Barra minn hekk għal dawn l-aħħar xhur kien għaddej xogħol intensiv fit-tielet impjant ta’ Barkat fix-Xgħajra li jinsab fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta biex minn hemm ukoll fil-ġimgħat li ġejjin jibda jitqassam dan l-ilma.
Il-Ministru Mizzi fakkar li apparti dan il-proġett il-Korporazzjoni diġà bdiet twettaq l-istudji neċessarji biex jinbena l-impjant ġdid ta’ desalinizzazzjoni f’Ħondoq ir-Rummien b’kapaċità li jipproduċi madwar 9,000 metru kubu ta’ ilma kuljum bl-iskop li tiġi eliminata d-dipendenza fuq l-impjant tar-reverse osmosis fiċ-Ċirkewwa u fuq il-pipeline taħt il-baħar li jgħaqqad iż-żewġ gżejjer.
Il-Ministru Justyne Caruana faħħret din l-inizjattiva mnedija mill-Water Services Corporation f’Għawdex u qalet li wara ħafna snin ta’ stennija issa l-bdiewa Għawdxin se jkollhom ilma b’xejn. Qalet li s-settur tal-biedja għandu potenzjal kbir f’Għawdex ukoll fil-kuntest tal-viżjoni EkoGħawdex imma wkoll kwantu għall-aspett ta’ ruralità – pilastru ewlieni tal-istrateġija tal-iżvilupp reġjonali għal Għawdex. Fil-fatt, matul l-aħħar sena, 1,250 bidwi Għawdxi irrikorrew għal xi tip ta’ għajnuna jew ta’ assistenza mill-Ministeru għal Għawdex. Dan juri li l-bdiewa Għawdxin huma għatxana biex itejbu l-operat tagħhom u jinvestu fil-prodott lokali. Il-Ministeru għal Għawdex hu kommess li jkompli jassisti lill-bdiewa Għawdxin permezz ta’ skemi u ta’ għajnuniet diversi. Il-Ministru Caruana semmiet li waħda mill-għajnuniet riċenti li nieda l-Ministeru għal Għawdex kienet skema biex tassisti lill-bdiewa sabiex jirrestawraw bjar u ġwiebi eżistenti għall-ħażna tal-ilma. Il-Ministru faħħret il-kollaborazzjoni u l-ħidma li qed issir mal-WSC u mal-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma.
Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li s-sigurtà tal-provvista tal-ilma kurrenti u l-immaniġġjar tal-waste water huma sfidi kbar għal Malta. Matul il-Programm 2007-2013 kien hemm investiment sostanzjali ta’ €110 miljun li indirizza dawn l-isfidi u għaldaqstant rajna titjib fiż-żewġ sfidi rispettivi. Taħt il-Programm 2014-2020 is-settur tal-ilma reġa’ ngħata prijorità b’investiment allokat ta’ €92 miljun mill-Fond ta’ Koeżjoni. Dan ifisser li Malta se tkun kisbet u investiet fil-qasam tal-ilma total ta’ iżjed minn €200 miljun.
Dan hu investiment tanġibbli fil-ħajja tal-ġenerazzjoni tal-lum u ta’ għada. Aaron Farrugia spjega li taħt il-Programm 2007-2013 kellna proġett maġġuri b’investimenti kbar f’fondi ewropej fosthom: trattament tal-wastewater permezz tal-kostruzzjoni ta’ żewġ polishing plants f’Taċ-Ċumnija fil-limiti tal-Mellieħa, Ras il-Ħobż f’Għajnsielem b’valur ta’ €13.7 miljun ewro u ġiet indirizzata l-kwalità tal-ilma tax-xorb permezz tal-proġett Carbon Footprint Reduction – apparti proġett ieħor implimentat f’Malta u f’Għawdex tal-installazzjoni ta’ pompi effiċjenti, RO membranes u tagħmir tal-laboratorji għat-testing tal-kimiċi li jirriżulta fi kwalità ta’ ilma aħjar għal 50,000 konsumatur.
Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qal li jinsab sodisfatt li qegħdin fil-gżira Għawdxija biex nawguraw il-faċilità l-ġdida tan-New Water fejn kif kien imwiegħed, l-ilma trattat li kien qed jintefa’ fil-baħar beda jkun polished u użat għall-agrikoltura u għall-industrija. Clint Camilleri qal li dan l-ilma hu ta’ kwalità għolja biżżejjed biex jintuża b’mod sigur għal: irrigazzjoni, landscaping u ċerti tipi ta’ industrija. Spjega li l-għan prinċipali ta’ dawn l-impjanti tal-ilma ġdid (New Water) hu li tkun offruta alternattiva għall-ilma tal-pjan u nittamaw li fis-snin li ġejjin il-kwalità tal-ilma tal-pjan titjieb. Is-Segretarju Parlamentari Camilleri rringrazzja lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u lill-Ministru Joe Mizzi għal dan ix-xogħol biex anke l-bdiewa Għawdxin u mhux biss dawk Maltin ikollhom aċċess għan-New Water.