Wara li fil-jiem li għaddew ġew Malta l-ikbar kumpaniji ta’ exchanges fil-cryptocurrencies issa anke kumpaniji Ġermaniżi ta’ equity qegħdin jiġu f’pajjiżna. Filfatt,Neufund, kumpanija li taħdem fil-qasam tas-servizzi finazjarji permezz tat-teknoloġija Ethereum blockchain, ibbażata f’Berlin il-Ġermanja, se tkun qed tiftaħ f’pajjiżna. Dan intqal f’kommunikat li l-istess kumpanija ħarġet aktar kmieni dalgħodu.
Neufund taħdem fil-qasam tal-equity, fejn toffri pjattaforma lil dawk l-investituri li jersqu ‘l quddiem b’idea. Dan kollu jitħaddem permezz tat-teknoloġija blockchain u l-cyrptocurrencies. Ma’ Neufund, is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri żamm diversi laqgħat sabiex fl-aħħar mill-aħħar kien konkretizzat dan l-investiment.
Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Neufund, Zoe Adamovicz qalet li meta l-kumpanija rat il-viżjoni li għandu l-Gvern Malti u l-pajjiż, il-kumpanija riedet li tissieħeb fl-eko-sistema blockchain f’pajjiżna.
Ninsabu impressjonati bil-ħidma li qed jagħmel il-Gvern Malti u bir-rieda tiegħu li jiftaħ il-bibien għal teknoloġiji ġodda. Malta għandna sservi ta’ eżempju għall-pajjiżi u regolaturi oħrajn, tenniet Adamovicz.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri stqarr li Neufund se tkun qed tgħin mhux biss biex tinħoloq eko-sistema ideali għall-investituri iżda se tkun qed tiddiversifika aktar is-suq tagħna.
Silvio Schembri sostna li huwa kburi bil-pass għaqli li ħa dan il-Gvern fil-qasam tat-teknoloġiji emerġenti li qed jagħmlu tabilħaqq minn pajjiżna l-‘Gżira tal-Blockchain’.