Fit-tankijiet tal-istudios tar-Rinella bdiet tinġibed l-akbar produzzjoni ta’ Netflix f’Malta.
Il-produzzjoni Taljana bl-isem ‘Isola delle Rose’ hija mibnija fuq storja vera li tmur lura għas-snin 60 meta l-Inġinier Giorgio Rosa bena gżira fuq il-baħar ftit mili ‘l barra mir-raħal ta’ Rimini fl-Italja ta’ kważi 400 metru.
Is-sett inbena kollu f’Malta u għall-ewwel darba se jintuża l-blue screen li permezz tiegħu jistgħu jsiru effetti viżwali li mhux possibbli jinħolqu fi studio.
F’konferenza tal-aħbarijiet fir-Rinella, il-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi tkellem dwar din il-produzzjoni li se tħalli miljuni fl-ekonomija Maltija.
Il-Ministru Mizzi stqarr: “Din hija produzzjoni mill-kumpanija famuża Netflix u hija l-ewwel produzzjoni kbira ġewwa pajjiżna. Huwa film maħdum minn crew Taljan u crew Malti wkoll, bi 360 ruħ li qed jaħdmu fuqu u li se jħallu f’pajjiżna mat-€3 miljun f’nefqa diretta fil-pajjiż.”
Il-Ministru Mizzi qal li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet ma’ Netflix dwar aktar produzzjonijiet li jistgħu jsiru b’kollaborazzjoni bejn il-Gvern Malti u l-kumpanija. Żied li l-Gvern irid jassigura li l-istudios fir-Rinella jirriflettu l-ħtiġijiet tal-futur. Dan għax il-producers tal-films ma jfittxux biss inċentivi fiskali, iżda wkoll faċilitajiet b’saħħithom.
Dwar dan il-Kummissarju għall-Films f’Malta, Johann Grech, qal li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet biex pajjiżna jkollu l-ewwel sound stage biex jikkumplimenta faċilitajiet li diġà għandna.
Is-Sur Grech spjega: “Għadejjin pjanijiet bħalissa biex nifinalizzaw l-istudji tagħna fuq is-sound stage li se jinbena fil-film studios biex b’hekk Malta mhux biss tibqa’ magħrufa biss għal-locations jew għal water tanks imma wkoll films, producers jużaw is-sound stages tagħna biex ikomplu jiffilmjaw ġewwa Malta.”
Huwa maħsub li dan l-investiment kif ukoll l-inċentivi li ddaħħlu f’Jannar li għadda se jkomplu jattiraw aktar produzzjonijiet kbar lejn pajjiżna.