Il-Prim Ministru ta’ Iżrael, Benjamin Netanyahu, reġa’ tenna li Iżrael qed iħejji għal invażjoni mill-art f’Gaza, iżda ma qalx meta.
F’indirizz fuq it-televiżjoni minn Tel Aviv, huwa żied jgħid li “dan għadu biss il-bidu”.
Sadanittant, f’Gaza, l-isptarijiet qed iwaqqfu s-servizzi kollha ħlief dawk ta’ emerġenza, hekk kif qed jispiċċa l-fjuwil, wara li Iżrael imblokka l-fjuwil milli jilħaq lil Gaza.
Il-Ġnus Magħquda qalu li l-aġenzija umanitarja tagħha f’Gaza qed taffaċċja nuqqas simili ta’ fjuwil, tant li hemm ċans ikollha tagħlaq fis-sigħat li ġejjin.
Il-Ministru tas-Saħħa f’Gaza qed jgħid li madwar sitt elef u ħames mitt ruħ inqatlu mis-sebgħa t’Ottubru, minn meta Iżrael bdiet bl-attakki fit-territorju.
Aktar minn elf u erba’ mitt ruħ inqatlu fl-ewwel attakki fuq Iżrael mill-Hamas, u aktar minn mitejn persuna għadhom qed jinżammu ostaġġi f’Gaza.