Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu ikkundanna d-deċiżjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali li ħarġet mandati ta’ arrest għal delitti ta’ gwerra kontrih u l-eks Ministru tad-Difiża Yoav Gallant bħala waħda “antisemitika”.
Huwa qal li l-ICC qed takkużahom b’mod falz li deliberatament attakkaw nies ċivili meta huma qed jagħmlu minn kollox sabiex jevitaw li jkun hemm tali vittmi.
Id-deċiżjoni tal-ICC kontra l-uffiċjali Iżraeljani infurjat lil President Amerikan Joe Biden tant li qal li minkejja dak kollu li qed timplika l-Qorti Kriminali Internazzjonali, mhemm l-ebda paragun bejn Iżrael u l-Hamas u se jibqa’ jappoġġja lil Iżrael kontra kull theddida għas-sigurtà tal-pajjiż.
Kemm Iżrael kif ukoll il-Hamas innegaw l-allegazzjonijiet tal-ICC.
Netanyahu iddikjara li Iżrael ma kienx qed jikkunsidra d-deċiżjoni tal-ICC bħala waħda valida. Huma wkoll qed jinnegaw li l-armata tagħhom qed tikkommetti ġenoċidju f’Gaza hekk kif dan qed jiġi ttrattat bħala każ separat fil-Qorti Kriminali Internazzjonali.
Il-Hamas ma għamel l-ebda riferenza għall-mandat kontra Deif iżda qalu li din il-mossa kontra Netanyahu u Gallant kienet tikkonstitwixxi preċedent storiku importanti li tikkoreġi sensiela twila ta’ inġustizzja storika kontra l-poplu tagħhom. Il-Palestinjani f’Gaza esprimew tama li issa l-mexxejja Iżraeljani jiġu proċessati fil-Qrati.
L-impatt ta’ dawn il-mandati se jiddependi minn jekk il-124 stati membri tal-ICC, li ma jinkludux l-Iżrael u l-alleat tiegħu l-Istati Uniti, jiddeċiedux li jinfurzawhom jew le. Diversi pajjiżi Ewropej diġa ddikjaraw li jirrispettaw id-deċiżjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali.